Iċ-ċerimonja ta’ bħal-lum ġimgħa li se tinawgura l-bini l-ġdid tal-Parlament fid-Daħla tal-Belt se tkun diskussa llum waranofsinhar f’laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.
Id-dettalji dwar l-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Parlament kif disinjat mill-perit ta’ fama mondjali, Renzo Piano, mistenni li jiġu diskussi u jkun hemm qbil dwarhom bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni f’laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra preseduta mill-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia.
Fil-laqgħa ta’ aktar tard illum, mistennija wkoll jiġu diskussi suġġetti oħra ta’ importanza, fosthom is-sigurtà fil-bini l-ġdid tal-Parlament, is-sistemi ġodda ta’ parkeġġ għall-parlament il-ġdid, u l-aġenda tax-xogħol tal-Parlament għall-ġimgħat li ġejjin.
Din mistennija tkun l-aħħar laqgħa li se ssir b’rabta max-xogħol tal-Parlament fil-bini tal-Palazz tal-President fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt. Dan wara li nhar il-Ġimgħa l-Parlament tlaqqa’ b’urġenza fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna u fil-Mediterran.
Il-Parlament ilu wieqaf mill-1 ta’ April, meta aġġorna għall-waqfa tal-Għid, liema waqfa hi itwal mis-soltu biex ikun jista’ jsir it-trasferiment tal-Parlament lejn il-binja l-ġdida fid-Daħla tal-Belt.
Fis-sajf li għadda, il-Parlament ukoll dam ma beda jiltaqa’ wara l-waqfa tas-sajf wara li sa Awwissu li għadda l-Gvern kien baqa’ jgħid li x-xogħlijiet kienu mexjin skont kif ippjanat – liema xogħlijiet ma tlestewx u ċ-ċerimonja tal-ftuħ li diġà kienet programmata, kellha tiġi kanċellata. Ix-xogħlijiet lanqas ma kienu tlestew sal-waqfa tal-Milied.
Il-bini tal-Parlament il-ġdid qed iġib fi tmiem il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-Daħla tal-Belt kif ippjanat mill-Gvern Nazzjonalista fl-aħħar leġiżlatura – proġett li kien ukoll jinkludi r-riġenerazzjoni tas-sit tat-Teatru Rjal – teatru miftuħ disinjat b’karatteristiċi dominati mill-ambjent Mediterranju f’belt kapitali li l-perit ta’ fama Renzo Piano fehem li dan is-sit għandu jirrifletti wkoll u jkun monument ħaj tal-istorja tal-belt kapitali, u mhux biss, fi sfond ta’ belt miftuħa u moderna.
Dan hu monument fid-Daħla tal-Belt li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni ma ried li jkollu x’jaqsam xejn miegħu. Proġett ukoll li kien ikkritikat bl-aħrax mill-Prim Ministru tal-lum, tant li dan il-Gvern ħa diversi xhur biex jiddeċiedi dwar jekk is-sit u l-binja li kienet fi stadju avvanzat, kellhiex tibqa’ destinata biex ikun il-bini tal-Parlament ġdid.
Iċ-ċerimonja ta’ bħal-lum ġimgħa mistennija tibda waranofsinhar u twassal biex fis-6pm tibda tiltaqa’ l-ewwel seduta parlamentari fil-Parlament il-ġdid.
//= $special ?>