Wara sensiela ta’ inċidenti rrappurtati ta’ għasafar protetti maqtula jew feruta, u tlett ijiem qabel l-għeluq tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat għalaq l-istaġun b’mod prematur. L-aħħar inċident seħħ illum, fl-Iskola Primarja tal-Kulleġġ St Edward’s, fejn għasfur protett waqa’ ferut fil-grawnd tal-Iskola.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru kiteb li dan l-inċident mhuwiex skużabbli. Madankollu, Muscat kiteb li kien hemm tnaqqis drastiku fl-illegalitajiet. Wara l-ewwel każijiet, li fihom anke ġew arrestati l-kaċċaturi involuti, il-Gvern kien qal li lest jagħlaq l-istaġun biss f’każ ta’ “illegalitajiet flagranti”.
Meta kien ħabbar li l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa se jinfetaħ, wara r-Referendum tal-11 ta’ April, il-Prim Ministru kien indirizza konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja. Madankollu, il-waqfien tal-istaġun kellu jitħabbar minn fuq Twitter minħabba li l-Prim Ministru bħalissa jinsab fuq żjara fl-Ażerbajġan.
//= $special ?>