L-awtoritajiet fin-Nepal qed jistinkaw biex jippruvaw isibu tarf il-ħerba li ħalla t-terremot ta’ nhar is-Sibt, li kellu l-qawwa ta’ 7.8 fuq l-Iskala Richter, u li kien l-aktar wieħed qawwi li laqat lill-pajjiż f’dawn l-aħħar 80 sena.
It-terremot ħalla mill-inqas 4,000 persuna mejta, skont iċ-ċifri maħruġa it-Tnejn, imma l-ħaddiema umanitarji mhux qed jeskludu li l-ammont jista’ jilħaq l-10,000 persuna. Dan hekk kif għad hemm ħafna rħula li huma iżolati u magħhom m’hemmx komunikazzjoni. Hemm ukoll madwar 90 persuna li tilfu ħajjithom fil-pajjiżi ġirien. 67 kienu rappurtati mejta fl-Indja u 20 fiċ-Ċina.
Hemm ukoll tħassib għal x’sar minn ħafna barranin li bħalissa jkunu bdew jinġabru madwar il-Muntanja Everest, li tinsab fin-Nepal, peress li jiftaħ l-istaġun li fih ikunu jistgħu jmorru jixxabbtu mal-muntanja. S’issa hu kkonfermat li 18-il persuna tilfu ħajjithom hemmhekk wara li nħakmu mill-valangi.
S’issa ħafna mill-vittmi kienu lokalizzati fil-belt kapitali Kathmandu u parti kbira mill-popolazzjoni qed tgħix fil-miftuħ peress li n-nies qed jibżgħu wisq jerġgħu lura fi dajrhom minħabba t-theżżiż kontinwu li qed jinħass. Barra minn hekk, hemm tal-anqas 100,000 persuna li tilfu darhom.
Fin-Nepal, dejjem kien pjuttost diffiċli li wieħed jivvjaġġa minn parti għal oħra tal-pajjiż peress li jinsab f’zona muntanjuża, u issa bit-terremot, il-ftit toroq f’kundizzjoni tajba li kien hemm spiċċaw mirduma mit-terrapien tal-valangi. Madankollu, hemm xaqq ta’ tama. Dan wara li f’kuntatt li sar ma’ uffiċjali f’zoni remoti qrib l-epiċentru, il-vittmi s’issa kienu ftit mijiet u mhux eluf bħalma kien qed ikun suspettat. Iżda ntqal li parti kbira mill-bini kien iġġarraf jew kellu ħsara kbira.
Lila Mani Poudyal, li qed jikkoordina l-ħidma ta’ salvataġġ għall-Gvern tan-Nepal, qal li bħalissa l-aktar li kien hemm bżonn kienu tined, saqqijiet u kutri għal dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom filwaqt li l-pajjiż kellu bżonn urġenti ta’ 80 tip ta’ mediċina. Dan hekk kif l-isptarijiet fil-pajjiż, apparti l-ħsara li saritilhom, ma jistgħux ilħaqqu man-nies midruba li hemm. Fil-fatt, in-nies issa qed jingħataw il-kura fit-toroq għaliex fil-bini m’hemmx aktar post għalihom.
Apparti hekk, peress li l-pajjiż jinsab fil-muntanji Himalaja, m’għandux ħelikopters biżżejjed u lanqas nies biex imorru u jgħinu lil dawk fl-aktar zoni remoti.