Internazzjonali

Is-Segretarju Ġenerali tan-NU f’laqgħat fl-Italja dwar l-immigrazzjoni u l-Libja

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti it-Tnejn mar l-Italja għal laqgħa mal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi biex jiddiskuti s-sitwazzjoni ta’ bħalissa fil-Mediterran – kemm mil-lat ta’ immigrazzjoni kif ukoll rigward il-Libja.
Għal din il-laqgħa attendiet ukoll Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea.
Renzi bħalissa qed imexxi ħidma biex l-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll dawk il-pajjiżi li minnhom qed jitilqu l-immigranti jkunu aktar imdaħħlin fil-ħidma għal soluzzjoni.
Ban, Renzi u Mogherini, kellhom joħorġu fuq il-bastiment tal-gwerra Taljan, ‘San Giusto’, li hu minn ta’ quddiem fil-ħidma fil-Mediterran, madwar Sqallija. Renzi qal li hu ried juri fiżikament u personalment lil Ban dak li qed tagħmel l-Italja.
Ban iddiskuta wkoll il-possibbiltà ta’ appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti biex tibda tittieħed azzjoni kontra dawk li jorganizzaw il-vjaġġi perikolużi tal-immigranti u fil-mira jkun hemm il-laneċ li jużaw. Iżda Ban qabel ma mar l-Italja għamilha ċara li hu ma tantx kien favur azzjoni militari fil-konfront tal-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Dan għaliex hu qal li s-soluzzjoni kellha tkun waħda politika u kellha tindirizza l-għeruq tal-problema tal-immigrazzjoni. Ban hu wkoll kontra intervent militari fil-każ tal-kunflitt Libjan u qal ukoll li l-unika soluzzjoni aħħarija għall-problemi ta’ bħalissa fil-pajjiż setgħet tinstab permezz tad-djalogu.
F’dawn l-aħħar ġranet, Renzi talab lil Franza, ir-Renju Unit u lil Spanja biex jappoġġjaw riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tindirizza l-kriżi tal-immigrazzjoni u l-Libja. Dan bl-iskop li jkun hemm l-awtorità meħtieġa f’għajnejn il-liġi internazzjonali għal dik li qed tissejjaħ “ħidma ta’ pulizija internazzjonali” fil-konfront ta’ dawk li qed jorganizzaw il-vjaġġi mil-Libja u bl-għan li jinqerdu d-dgħajjes li jintużaw qabel ma jitilqu mill-kosta Libjana.
Sadattant, it-Tnejn, fil-port ta’ Cataldo f’Taranto daħal il-vapur ‘Aviere’ b’274 immigrant abbord li kienu salvati nhar is-Sibt barra l-kosta Libjana.