Lokali

Jipperikolaw ħajjithom fuq is-swar tal-Belt

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Belt esprima t-tħassib tiegħu dwar l-imġieba ta’ numru kbir ta’ żghażagħ, li ħafna minnhom huma taħt l-età u li qed jiffrekwentaw il-Belt Kapitali.

Fl-istqarrija, il-Kunsill tal-Belt qal li “mir-rapporti li qed nirċievu mingħand bosta nies, fosthom residenti, jingħad li dawn iż-żgħażagħ l-ewwel qed jixorbu xorb alkoħoliku, jagħmlu atti vandali fil-lokalità u wara qed jirriskjaw ħajjithom fuq is-swar”.

Il-Kunsill Lokali sostna li jixtieq jassigura lil kulħadd li qed isir kuntatt mal-Pulizija biex tkun indirizzata din il-problema, filwaqt li qed isir dak kollu biex evitata xi traġedja.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill Lokali tal-Belt qed jappella lill-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ adoloxxenti biex huma wkoll ikunu responsabbli mill-imġieba ta’ wliedhom u biex jaħdmu flimkien ħalli jkunu evitati inċidenti traġiċi.