Internazzjonali

L-Ażerbajġan minn ta’ quddiem fir-ripressjoni tal-media

Il-Committee to Protect Journalists (CPJ) ippubblika l-lista tal-għaxar pajjiżi fejn ix-xogħol tal-ġurnalisti hu l-aktar imxekkel mill-awtoritajiet.
Fuq quddiem hemm iċ-Ċina bħala l-aktar pajjiż li jixħet ġurnalisti l-ħabs b’total ta’ 44 li bħalissa huma miżmumin il-ħabs minħabba xogħolhom.
Fil-lista, minbarra ċ-Ċina hemm l-Ażerbajġan, l-Arabja Sawdija, il-Korea ta’ Fuq, l-Iran, l-Eritrea, Kuba, il-Mjanmar, il-Vjetnam u l-Etjopja.
Skont Courtney Radsch, direttur mas-CPJ ibbażata fi New York, fl-Istati Uniti, dawn il-pajjiżi jużaw diversi tattiki biex irażżnu dak li ma jridux li l-poplu jkun jaf, fosthom tattiki tradizzjonali li jitfgħu lill-ġurnalisti l-ħabs kif ukoll li jieħdu kull tip ta’ pass legali kontra l-post fejn ikunu jaħdmu, minbarra li joħolqulhom il-problemi fil-ħajja ta’ kuljum.
Imma bl-avvanz fit-teknoloġija, issa qed ikun hemm ukoll restrizzjonijiet fl-aċċess għall-internet kif ukoll restrizzjonijiet fuq ċerta teknoloġija li tista’ tintuża fil-pajjiż.
Radsch qal li effettivament f’pajjiżi bħall-Eritrea u l-Korea ta’ Fuq, il-poplu m’għandux aċċess għall-internet flimkien għall-aċċess għat-telefowns ċellulari.
Intqal li fl-Arabja Sawdija u l-Ażerbajġan hemm restrizzjonijiet kbar fuq dak li n-nies jistgħu jaraw fuq l-internet u ħafna affarijiet jiġu blukkati mill-awtoritajiet. Barra minn hekk, meta wieħed jinqabad jara aħbarijiet li l-Gvern ma jridux jara, dan jitressaq il-qorti.
Qabel din il-lista, is-CPJ kienet ħarġet lista simili fl-2006 u fl-2012, u Radsch qal li wieħed jista’ jgħid li l-lista baqgħet l-istess.