Internazzjonali

L-Ingliżi jridu Diana oħra fil-Familja Rjali

Hekk kif Kate u William qed iħejju biex titwieled it-tieni tarbija tagħhom, il-pubbliku Ingliż qed jittama dejjem iktar li l-koppja rjali tagħżel isem tradizzjonali.

Waqt li l-ismijiet Alice u Charlotte damu għal żmien twil fil-quċċata tal-preferenzi tal-pubbliku, issa jidher li l-maġġoranza għażlet l-isem Diana f’każ li t-tarbija tkun tifla.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet is-Sunday Times ta’ Londra li wera li 12% tal-pubbliku jixtieq li, jekk tkun tifla, it-tarbija tissemma’ għal nannitha. Alice u Charlotte intagħżlu minn 9% tal-pubbliku.
Skont il-gazzetta, jekk it-tarbija tkun tifel ieħor, 13% tal-pubbliku jixtieq li jingħata l-isem ta’ James segwit minn Alexander.

Kwart ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ jixtiequ ferm li t-tarbija tkun tifla waqt li 3% biss esprimew ix-xewqa li l-Prinċep George jkollu ħuh.

Anke fuq il-mezzi soċjali bħal Twitter, il-pubbliku qed jesprimi dejjem iktar ix-xewqa li t-tarbija tissemma’ Diana.

Skont l-istħarriġ, il-maġġoranza tal-pubbliku Ingliż qablet li l-Prinċep William ħa sitt ġimgħat leave minn xogħlu ta’ pilota.