Anzjan li kien ħiereġ minn maħżen fil-Crafts Village ta’ Ta’ Qali, b’kaxxa f’idu mimlija affarijiet personali, twaqqaf minn uffiċjali tal-Gvern li ntbagħtu biex jissiġillaw 15-il maħżen. Is-sidien ta’ dawn l-imħażen, minn fost total ta’ 62, baqgħu ma ffirmawx li jġeddu l-kera għal 65 sena bil-patt u l-kundizzjoni li jkollhom jiżviluppaw sit ġdid fil-villaġġ bi spejjeż għalihom.
Waqt il-laqgħa ntqal kif kien impossibbli li f’24 siegħa, dawn is-sidien jbattlu l-imħażen u joħorġu minnhom anke’ l-makkinarju kbir li kienu jużaw fix-xogħol tagħhom. Fil-każ ta’ dan l-anzjan, lanqas tħalla jieħu kaxxa bl-affarijiet personali tiegħu għaliex l-uffiċjali tal-Gvern qalulu li s-sit issa hu propjeta tal-Gvern.
Issa dawn is-sidien mhux talli se jkollhom ifittxu sit alternattiv minn fejn joperaw, imma wkoll iridu jikru x’imkien biex ipoġġu l-affarijiet li laħqu ħarġu mill-imħażen qabel l-uffiċjali tal-Gvern marru u qaflu kollox b’katnazz. Kien dan wieħed mill-punti li ħarġu waqt laqgħa li l-Oppożizzjoni, rappreżentata mill-Kelliem għan-Negozji Żgar, Manifattura, Kummerċ, Self Employed u l-Kooperattivi Robert Arrigo kellha mal-GRTU.
Arrigo qal li dawn il-laqgħat li qed tagħmel l-Oppożizzjoni se jkomplu għaliex qed iħallu l-frott. Semma’ kif wara laqgħat li kellu ma’ entitajiet differenti, hu ħa l-punti ta’ tħassib li tqajjmu, tkellem dwarhom fil-Parlament u dawn ġew indirizzati. Filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni trid tħares lejn iż-żmien li għamlet fil-gvern u tagħraf fejn naqset li tieħu azzjoni, trid tħares ukoll ‘il quddiem u titgħallem minn dik l-esperjenza.
Filfatt Robert Arrigo sostna li l-Oppożizzjoni diġa’ bdiet taħseb fuq ideat għas-settur tar-retail u s-servizzi, li dwarhom iddur l-ekonomija Maltija. Minn naħa tiegħu l-President tal-GRTU Paul Abela qal li l-Oppożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala Gvern alternattiv u għalhekk dawn il-laqgħat se jkomplu bħalma sar fil-passat.
//= $special ?>