L-SDM fil-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) hi kommessa li mhux biss issarraf il-fiduċja tal-istudenti f’aktar ħidma, iżda wkoll li l-Kunsill ikun wieħed li jaħdem u jirrappreżenta lill-istudenti kollha.
Saħqet dan il-President ġdid tal-KSU Becky Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kampus tal-Università wara li l-SDM ingħatat mandat ieħor mill-istudenti, b’maġġoranza ta’ kwazi 1,000 vot, biex tmexxi l-KSU.
Fil-messaġġ tagħha, Micallef appellat lill-istudenti kollha biex matul iż-żmien ta’ studju tagħhom imorru għand il-KSU u jitolbu l-għajnuna ħalli l-Kunsill ikun verament wieħed qrib l-istudenti kollha, kemm dawk li vvutaw lill-SDM u anke dawk li le.
Becky Micallef fakkret li fil-Manifest, l-SDM ippreżentat 99 proposta, fosthom €50,000 f’fondi għall-istudenti, kampanji edukattivi dwar is-saħħa sesswali u r-razziżmu, kif ukoll it-twaqqif ta’ akkademja sportiva li se tkompli ssaħħaħ lit-tim tal-futsal tal-Università u anke t-twaqqif ta’ tim tan-nisa u tar-rugby, fost l-oħrajn.
Minkejja dan, għamlitha ċara li l-SDM fil-KSU mhijiex marbuta biss ma’ dawn id-99 proposta, iżda lesta taħdem għal inizjattivi oħrajn li jgħinu lill-istudenti matul iż-żmien ta’ studju tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-SDM Luke Muscat fisser il-vot qawwi tal-istudenti favur l-SDM bħala messaġġ ċar li l-istudenti jixtiequ lill-SDM tkompli tirrappreżentahhom u tkompli bil-ħidma tal-aħħar snin. Iżda minkejja dan l-appoġġ ta’ maġġoranza qawwija, Muscat għamilha ċara li l-SDM mhijiex totalment kuntenta anke minħabba li kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ studenti li marru jivvutaw.
Fost ir-raġunijiet, semma’ li l-għada tal-elezzjoni kien hemm l-eżami tas-Systems of Knowledge, li wassal biex studenti tat-tieni sena fil-Junior College ma marrux jivvutaw. Minkejja dan, Luke Muscat qal li l-SDM se taħdem biex tkompli tħeġġeġ aktar studenti jkunu attivi u tiġi miġġielda l-apatija.
//= $special ?>