Lokali

Nepal: in-numru ta’ vittmi jaqbeż 3,300

Mill-inqas 3,326 persuna huma maħsuba li mietu fit-terremot devastanti li laqat lin-Nepal is-Sibt li għadda. Iktar minn 6,500 sfaw midruba u eluf oħrajn sfaw mingħajr saqaf fuq rashom. Sfortunatament, in-numru ta’ vittmi aktarx se jkompli jiżdied hekk kif l-iskwadri ta’ salvataġġ jilħqu villaġġi fil-Punent tal-pajjiż li huma maqtugħin għalihom.

Sadanittant ikomplu jaslu skwadri internazzjonali ta’ salvataġġ fil-belt kapitali Kathmandu filwaqt li iktar minn 200 xabbatur jinsabu maqbuda fuq il-muntanja Everest minħabba valangi kkawżati mit-theżżiża li kejjlet 7.8 fuq l-iskala Richter.

Theżżiża oħra ta’ 6.7 fuq l-iskala Richter ilbieraħ qajjmet paniku sħiħ. L-Epiċentru ta’ din it-theżżiża kien madwar 60 kilometru fil-Lvant ta’ Kathmandu.

Kienu rappurtati għexieren ta’ vittmi fiċ-Ċina u fl-Indja.