Il-Pulizija mhix favur Monti qrib il-bini tal-Parlament
Il-bini l-ġdid tal-Parlament se jkun inawgurat it-Tnejn li ġej mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u tal-perit ta’ fama mondjali Renzo Piano, li kien il-moħħ u d-disinjatur tal-proġett tal-bini tal-Parlament il-ġdid u tas-sit tat-Teatru Rjal, li jifformaw il-proġett għar-riġenerazzjoni tad-Daħla tal-Belt maħsub u ppjanat minn Gvern Nazzjonalista.
F’laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, ippreseduta mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex is-seduti parlamentari mill-ftuħ tal-Parlament il-ġdid jibdew jixxandru dirett fuq l-internet u anke fuq il-cable television miż-żewġ operaturi ewlenin tal-komunikazzjoni.
Fil-laqgħa li saret illum waranofsinhar, fil-Kamra tal-Kumitati fejn issoltu jiltaqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fil-bini tal-Palazz tal-President, il-Kumitat ftiehem ukoll li jsiru aktar diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għal aktar titjib tal-linjigwida b’rabta max-xandir viżiv. L-Ispeaker Anġlu Farrugia assigura lill-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni li l-camera se tkun qed tiffoka dejjem fuq il-Membru Parlamentari li s-sedja tawtorizza biex titkellem, kif ukoll li kull viżwal ieħor li jixxandar għandu jkun hemm qbil dwaru bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
L-Ispeaker se jkollu l-faċilità li jwaqqaf immedjatament, waqt li jkun qed jippresiedi l-Kamra, ix-xandir viżiv f’każ ta’ xi inċident, xi emerġenza jew xi sitwazzjoni oħra li tkun tirrikjedi t-twaqqif jew sospensjoni tax-xandir viżiv.
Diskussi wkoll il-miżuri tas-sigurtà fil-Parlament il-ġdid
Il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Ispeaker iddiskutew fit-tul ukoll il-miżuri ta’ sigurtà b’rabta mal-binja tal-Parlament il-ġdid, bil-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco jinsisti li l-ispazju taħt il-bini tal-Parlament għandu jibqa’ miftuħ għall-pubbliku bl-eċċezzjoni għall-aċċess għad-dħul tal-Parlament, kif kien il-ħsieb oriġinali li l-binja tirrifletti Parlament trasparenti u miftuħ.
L-Ispeaker ta renikont tal-laqgħat twal li saru mal-Pulizija b’rabta mas-sigurtà tal-binja u qal li ħadd ma jista’ jeskludi xi attakk terroristiku f’dak li sejjaħ bħala “dinja miġnuna li qed ngħixu fiha”. Mario de Marco rrimarka li hemm soluzzjonijiet prattiċi li jistgħu jiġu mħaddma, bħalma huma bollards ta’ sigurtà li jkunu jistgħu jitħaddmu f’ħinijiet partikolari, filwaqt li jibqa’ l-aċċess taħt il-binja tal-Parlament f’ħinijiet oħrajn.
Intlaħaq qbil li d-deċiżjoni dwar is-sigurtà tal-binja l-ġdida ma titteħidx illum, iżda jkun hemm aktar laqgħat dwar u skambji ta’ ħsibijiet. Fl-istess waqt, għalissa jibqgħu fis-seħħ il-miżuri ppjanati mill-Pulizija, li diġà jinsabu preżenti fil-bini l-ġdid tal-Parlament. Għal mistoqsija mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, dwar jekk il-Pulizija taqbilx li għal raġunijiet ta’ sigurtà l-Monti tal-Belt għandux ikun viċin il-Parlament, l-Ispeaker qal li l-Pulizija mhijiex favur Monti qrib il-bini tal-Parlament.
Diskussjoni dwar is-sistema tal-parkeġġ
Diskussjoni oħra fit-tul trattat is-sistema tal-parkeġġ, bl-Ispeaker jirrimarka li kienu identifikati żewġ zoni ta’ parkeġġ: l-ispazju quddiem il-Bank Ċentrali u fi Triq l-Ordinanza, qrib Palazzo Ferreria. L-Oppożizzjoni rrimarkat li għal xogħol tal-Parlament, m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni, bl-ispazju riservat għandu jinqasam bejn iż-żewġ naħat.
Dwar dan ukoll kien hemm qbil biex iż-żewġ Whips tal-Gruppi Parlamentari jiltaqgħu u jiffinalizzaw is-sistema ta’ parkeġġ li trid tibda titħaddem mit-Tnejn li ġej.
Il-programm tal-inawgurazzjoni
Dwar il-programm li se jinawgura l-Parlament il-ġdid, l-Ispeaker informa lill-Kumitat li l-Membri Parlamentari se jiltaqgħu ħdejn il-bieb ewlieni tas-Sala tal-Plenarja fil-Palazz Presidenzjali biex issir ċerimonja simbolika li fiha jingħaddu ċ-ċwievet tal-Parlament mill-Armata lill-Pulizija. Wara, flimkien, il-Membri Parlamentari jimxu sal-bini l-ġdid tal-Parlament, fejn issir iċ-ċerimonja uffiċjali. Se jsiru diskorsi mill-Ispeaker u mill-President ta’ Malta, bil-bini jitbierek mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna. Wara jsir Riċeviment qabel ma s-seduta tibda fis-6pm.
Mario de Marco ssuġġerixxa li mal-lista tal-mistiedna jiżdiedu l-eks-Membri Parlamentari li għadhom ħajjin, bl-Ispeaker jirrimarka li l-ispazju hu limitat u għalhekk seta’ jkun hemm okkażjonijiet oħrajn għall-eks-Parlamentari. Il- Kumitat qabel,iżda, li l-madwar mitt eks-Parlamentari jkunu wkoll mistiedna.
Diskussjoni dwar ix-Xogħol li jmiss tal-Kamra
Il-Kumitat iddiskuta wkoll ix-Xogħol tal-Parlament li se jiġi diskuss fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kunsilli Lokali u r-Rapporti dwar l-Entitajiet u l-Awtoritajiet tal-Gvern. L-Oppożizzjoni rrimarkat li fuq l-aġenda għandu jkun hemm Mozzjonijiet li ressqet l-Oppożizzjoni u li ilhom biex jiġu diskussi, fost l-oħrajn b’rabta ma’ Emendi għall-Kostituzzjoni li issa ilhom kważi sena biex jitilgħu għad-diskussjoni tal-Parlament.
L-Ispeaker informa wkoll lill-Kumitat dwar żewġ talbiet li rċieva b’rabta ma’ avvenimenti fl-okkażjoni tal-Malta Fashion Week f’nofs ix-xahar id-dieħel: waħda fil-Parlament il-ġdid u l-oħra fil-bini l-antik tal-Parlament.
//= $special ?>