Lokali

X’inhu dan l-interess kollu ta’ Muscat fl-Ażerbajġan? – PN

Għat-tieni darba f’erba’ xhur, kellha tkun il-media li tikxef żjara li l-Prim Ministru se jagħmel fl-Ażerbajġan. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żjarat li Muscat qed jagħmel f’dan il-pajjiż iqajjmu suspetti kbar u dan peress li Muscat qed jagħżel li jaħbi dawn iż-żjarat.

L-Aħħar darba li tkellem dwar din iż-żjara, il-PM ipprova jagħti l-impressjoni li kien għadu ma jafx jekk hux sejjer jew le. Issa jirriżulta li Muscat, flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, ilbieraħ waranofsinhar ħallew Malta lejn l-Ażerbajġan mingħajr ma infurmaw lil ħadd, lanqas biss stqarrija lill-mezzi tax-xandir.

Dan l-aġir, tkompli l-istqarrija, hu totalment l-oppost tal-wegħda tal-istess Muscat li se jkun qed imexxi l-aktar Gvern trasparenti fl-istorja.

Il-PN fakkar li minkejje li sarulu diversi mistoqsijiet kemm fil-media kif ukoll fil-Parlament, il-Ministru l-iktar viċin ta’ Muscat, Konrad Mizzi, għadu ma qalx kemm-il darba mar l-Ażerbajġan matul din il-leġiżlatura. L-istess fl-indħil tal-Ministru Mizzi fix-xiri taż-żejt mill-Ażerbajġan li wassal għal telf ta’ €14-il miljun li kellu jagħmel tajjeb għaliha il-poplu Malti u Għawdxi.

L-Istqarrija ttemm li Muscat għandu jkun ċar u jgħid il-veritu – jiġifieri x’inhu l-interess personali tiegħu li ġej u sejjer l-Ażerbajġan bil-moħbi ta’ kulħadd. L-Oppożizzjoni tistenna li mar-ritorn tiegħu mill-Ażerbajġan, il-PM għandu jagħmel Stqarrija Ministerjali fil-Parlament u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.