Proposta għall-klassifikazzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern biex tiddistingwi bejn proprjetà pubblika u proprjetà fid-demanju pubbliku li fuqha ma jkunx jista’ jsir kuntratt
L-Oppożizzjoni ħabbret inizjattiva u proposta oħra li qed tressaq fil-Parlament b’abbozz ta’ Liġi dwar il-wirt komuni li jemenda l-Kodiċi Ċivili fir-rigward tad-Demanju Pubbliku.
L-iskop hu li jkun hemm liġi li tirregola l-klassifikazzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern, u li tiddistingwi bejn proprjetà pubblika li fuqha jista’ jsir kuntratt, u proprjetà jew sit jew affarijiet mobbli meqjusa li huma fid-demanju pubbliku li fuqhom ma jkunx jista’ jsir kuntratt.
Din l-inizjattiva oħra tal-Partit Nazzjonalista favur il-wirt naturali, kulturali u storiku ta’ pajjiżna, tħabbret mix-Shadow Ministers Jason Azzopardi u Marthese Portelli, u d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Abbozz ta’ liġi preżentat f’mozzjoni privata lill-Ispeaker fil-bini l-ġdid tal-Parlament
L-Abbozz ta’ liġi kien ippreżentat lill-Ispeaker Anġlu Farrugia kmieni llum waranofsinhar f’mozzjoni privata fil-bini l-ġdid tal-Parlament, fid-Daħla tal-Belt, fil-preżenza wkoll tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius.
Tfisser li proprjetà pubblika hu dak kollu li l-Gvern jakkwista permezz ta’ xiri, donazzjoni, wirt, esproprju kif ukoll ċerta proprjetà vakanti privata. Proprjetà fid-Demanju Pubbliku hu dak kollu li hu tal-istat jew isir tal-istat, kemm jekk hu immobbli jew mobbli.
Limitazzjonijiet u restrizzjonijiet għall-gvern fuq l-użu tal-art
Bis-saħħa ta’ din il-proposta u l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni, gvern jimponi fuqu nnifsu limitazzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art jew affarijiet mobbli oħra għar-raġuni li tkun ta’ wirt jew valur storiku u kulturali jew ta’ valur naturali bħalma hu l-baħar u qiegħ il-baħar, il-kampanja, il-widien, il-kosta u l-irdumijiet, il-fortifikazzjonijiet u siti u oġġetti oħrajn ta’ importannza bħalma huma pitturi u oġġetti ta’ patrimonju nazzjonali.
Definizzjoni tal-kosta
Abbozz ta’ Liġi li qed jipproponi definizzjoni tal-kosta – kemm dik fil-livell tal-baħar u wkoll tal-kosta li ffurmata mill-irdumijiet – u li din tkun definita f’parametru sa 15-il metru. Id-Demanju Pubbliku jimxi wkoll id f’id mal-aċċess għall-pubbliku.
Għaqdiet mhux governattivi u membri tal-pubbliku jistgħu jagħmlu talba lill-Ministru biex art jew sit jew affarijiet oħrajn ta’ valur storiku u ta’ wirt komuni, ikunu dikjarati bħala Demanju Pubbliku.
Hu propost li l-Minstru jkollu erba’ xhur żmien biex jevalwa din it-talba u f’każ li ma tintlaqax, irid jagħti r-raġunijiet. Jekk tiġi klassifikata bħala Demanju Pubbliku, l-att irid jgħaddi mill-iskrutinju tal-Parlament b’att li jiġi approvat mill-Parlament.
F’każ li jkun hemm talba għal diklassifikazzjoni minn Demanju Pubbliku għal proprjetà pubblika, din ma tistax tintmiss qabel ħames snin u li xorta l-proprjetà ġġorr l-obbligu li ma tistax tinqered jew issirilha ħsara. Il-proprjetà, iżda, tkun tista’ tiġi trasferita lil terzi persuni u tkun suġġetta għal kuntratt. F’każ li Qorti tiddikjara li diklassifikazzjoni tkun seħħet b’riżultat ta’ korruzzjoni, id-diklassifikazzjoni ma tibqax valida.
Żvilupp importanti favur l-ambjent u l-wirt komuni
L-Oppożizzjoni fissret din il-proposta bħala żvilupp importanti favur l-ambjent u favur it-tgawdija tal-wirt storiku, kultural u dak naturali lill-ġenerazzjonijiet futuri.
L-Oppożizzjoni qed issotni li dan hu Abbozz ta’ Liġi wkoll li jirrifletti l-governanza tajba, u li jagħti relevanza ekonomika u soċjali f’dak li hu valur ambjentali u naturali, storiku u kulturali.
Abbozz ukoll li jirregola għall-ewwel darba u jagħti importanza lill-aspett legali għar-reklamazzjoni tal-art għaliex jaffettwa l-kosta, il-baħar u qiegħ il-baħar. Sal-lum għandna biss regolamentazzjoni ambjentali fejn tidħol l-attività ta’ reklamazzjoni.
Appell lill-Gvern u lill-għaqdiet mhux governattivi
Appellat lill-għaqdiet mhux governattivi biex iressqu l-fehmiet tagħhom u s-suġġerimenti tagħhom dwar dak li għandu jingħata t-titlu importanti bis-saħħa tal-liġijiet tal-pajjiż, bħala Demanju Pubbliku, biex il-wirt komuni u dak kollu li hu ta’ ġid jiġi priservat u jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern għal kunsens fuq il-prinċipji ta’ dan l-Abbozz ta’ liġi li qed tressaq fil-Parlament – liġi favur il-ġid komuni li għandha tkun ħielsa minn kull partiġjaniżmu politiku.
Oppożizzjoni li qed turi li hi gvern alternattiv
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi saħaq li din hi l-ewwel inizjattiva konkreta wara d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li l-Oppożizzjoni se tkun qed turi li hi gvern alternattiv u li se tkun qed tipproponi inizjattivi u politika għall-ġid komuni, u mhux biss tikkritika u tiskrutinja x-xogħol tal-Gvern.
Abbozz ta’ liġi li jorbot lill-Partit Nazzjonalista fil-gvern kemm-il darba dan il-gvern jibqa’ ma jressaqx u ma japprovax l-Abbozz ta’ Liġi. Fl-Ewropa, l-Italja u Franza għandhom Liġi dwar id-Demanju Pubbliku.
//= $special ?>