Lokali Qorti

Aġġornata: Sena ħabs u multa ta’ €5,000 għall-kaċċatur li spara lejn tajra protetta

Ftit tal-ħin ilu il-Maġistrat Francesco De Pasquale ta’ s-sentenza ta’ sena ħabs u €5,000 għall-kaċċatur li spara lejn tajra protetta. Il-Maġistrat ordna li tiġi rrevokata il-liċenzja.

6:40pm: L-akkużat mhux se jixhed. Il-prosekuzzjoni qalet li anke jekk Mifsud ma laqatx it-tajra, xorta għandu jinstab ħati li spara. Dan apparti x-xhieda li rawh jispara.

6:18pm: It-tielet xhud, il-kaċċatur Chris Bonello xehed li hu sema’ t-tiri kif ukoll ra lis-seqer nieżel. Bonello kompla li sema’ t-tiri min-naħa ta’ fejn kien hemm l-akkużat u l-kaċċatur Shaun Spiteri. Bonello kompla li wara l-inċident ċempel lill-FKNK biex jekk ikun se jixhed, jixhed fil-magħluq. Bonello xehed li ma jafx min spara.

6:05pm: Spiteri mwissi biex jgħid il-verita. Wara li t-tieni xhud, Shaun Spiteri qal li ra lil Mifsud jispara lejn is-seqer, biddel il-verżjoni tiegħu u qal li ra lil Mifsud jispara, iżda mhux lejn is-seqer.

5:55pm: Xhud ieħor, il-kaċċatur Shaun Spiteri qal li ra lill-akkużat Mifsud jispara lejn is-seqer kif ukoll sema’ t-tliet tiri.

5:40pm: Xehed ukoll Joseph Aquilina, kaċċatur li kien fuq il-post mal-akkużat. L-akkużat qallu li se jmur dawra bis-senter u wara ftit Aquilina sema’ tliet tiri. Ix-xhud qal li hekk kif sema’ t-tiri, l-akkużat qallu “għamejt” u għalhekk spara. Aquilina ħaseb li l-gamiema kienet seqer.

5:30pm: It-tajra kellha ċ-ċomb f’għajnejha u gwenħajha. L-Ispettur Vella qal li t-tliet kaċċaturi li identifikaw lil Kirsten ma kellhom l-ebda interessi li jwaħħlu fih.

5:20pm: L-ispettur Jurgen Vella qal li diversi kaċċaturi qalu li raw lill-akkużat jispara lejn is-seqer. Vella kompla li l-kaċċaturi stqarrew li huma ma sparaw u li kien l-akkużat innifsu li spara.L-akkużat ċaħaq li spara.

4.55pm: Kirstin Mifsud, kaċċatur ta’ 25 sena minn Bormla, tressaq il-Qorti llum waranofsinhar akkużat li lbieraħ kmieni waranofsinhar spara lejn għasfur tar-razza Spanjulett, bil-każ iwassal għall-għeluq prematur tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Barra minhekk, hu mifhum li minbarra Mifsud, magħruf bħala “Il-Benghażi”, se jitressqu żewġ persuni oħrajn.

Jirriżulta li l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ tal-bieraħ, li fih l-Ispanjulett spiċċa waqa’ ferut fil-grawnd tal-Iskola Primarja tal-Kulleġġ St Edward’s f’Bormla. Fost oħrajn, il-Pulizija għadha għaddejja bil-proċess ta’ verifika biex ikun stabbilit ma’ liema federazzjoni tal-kaċċa hu affiljat Mifsud, li kien magħruf mal-Pulizija.

Aktar kmieni …
2.50pm: Il-Pulizija qed iżżomm raġel biex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha wara l-każ ta’ kaċċa illegali fuq tajra protetta lbieraħ li wasslet għall-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, tlett ijiem qabel kellu jintemm. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.

Sorsi spjegaw li l-Pulizija tkellmet ma’ diversi persuni li ma kienux ’il bogħod mill-inħawi tal-Kulleġġ St Edwards f’Bormla. Skont rapporti, il-Pulizija tkellmet mal-kaċċatur li allegatament spara fuq it-tajra, li kien fost grupp ta’ kaċċaturi li aktarx kien jinkludi wkoll żewġ żgħażagħ ta’ 17-il sena.

Il-każ qam ilbieraħ malli t-tajra midruba waqgħet fil-bitħa tal-Kulleġġ St Edwards hekk kif l-istudenti kienu qed jagħmlu r-rikreazzjoni tagħhom. Instemgħu żewġ sensieliet ta’ tiri tant li l-Pulizija qed tqis li aktarx kien hemm żewġ kaċċaturi li sparaw fuq it-tajra.

Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet tagħha għadhom fil-bidu.