Internazzjonali

Arresti ta’ suspettati militanti fl-Arabja Sawdija

Il-Ministeru tal-Intern Sawdi qal li l-awtoritajiet lokali rnexxielhom jarrestaw tal-anqas 93 persuna suspettati bħala militanti mal-grupp ISIS. L-istess awtoritajiet waqqfu wkoll numru ta’ kumplotti kontra l-interessi tal-Arabja Sawdija.

Sorsi qrib l-istampa nazzjonali rrappurtaw li l-arresti ilhom għaddejjin minn Diċembru li għadda u li s-suspettati jinkludu 65 ċittadin Sawdi, minbarra numru ta’ barranin.

Ir-rapporti qalu li l-ISIS kien waqqaf siti għal taħriġ ta’ militanti f’zona remota tar-reġjun ta’ al-Qassim u li l-grupp kien qed jippjana numru ta’ attakki suwiċida (bil-bombi).

Fost l-allegati miri ta’ dawn l-attakki ssemmiet l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Riyadh, il-kapitali tal-Arabja Sawdija.

Kien hemm ukoll referenzi għal kumplotti kontra l-ħajja ta’ numru ta’ uffiċjali mal-militar Sawdi; b’allegati miri oħrajn jinkludu kumplessi ta’ ħabs u oħrajn residenzjali, minbarra l-kontinġenti tal-qawwiet tas-sigurtà.

L-awtoritajiet Sawdi, xhur ilu, kienu ħabbru l-pieni qawwija għas-Sawdi li jivvjaġġaw barra l-pajjiż biex jiġġieldu għall-ISIS inkella li juru l-appoġġ għal dan il-moviment ta’ ġiħadisti.