It-Tnejn se jkun inawgurat il-bini l-ġdid tal-Parlament, iddisinjat mill-Perit ta’ fama mondjali Renzo Piano, bl-ewwel seduta Parlamentari tibda fis-6pm. Waqt żjara għall-media fil-bini tal-Parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia spjega kif il-pubbliku se jkollu aċċess biss għal partijiet tal-bini, fosthom l-entratura prinċipali, fejn se jkun hemm eżebizzjoni permanenti, u parti oħra se tkun miftuħa għalmin ikun irid jorganizza eżebizzjoni.
Fejn jidħol aċċess għall-pubbliku, l-Ispeaker qal li l-arranġamenti ta’ sigurtà se jkunu qed isiru skont kif il-Pulizija taħseb li jkun l-aħjar minħabba li fit-triq mal-ġenb tal-Parlament il-ġdid issa se jkun hemm armat il-Monti.
Fil-Parlament il-ġdid se jkun hemm ukoll il-faċilità biex jibdew isiru konferenzi nazzjonali, kmamar għall-interpreti u anke biżżejjed kmamar biex jaħdmu erba’ Kumitati f’daqqa. Fl-ewwel u fit-tieni sular se jkun hemm is-Sala tal-Parlament, kif ukoll l-uffiċċji tal-Prim Ministru, tal-Kap tal-Oppożizzjoni, tal-Gvern u anke tal-Oppożizzjoni. F’kull wieħed mill-uffiċċji, il-Membri Parlamentari se jkunu jistgħu jsegwu dak li għaddej fil-Plenarja u anke fil-Kumitati.
Fis-sulari ta’ isfel, hemm l-ufficini għall-amministrazzjoni tal-Parlament, kif ukoll l-uffiċċju tad-Deputat Speaker, bl-uffiċċju tal-Ispeaker ikun fit-tielet sular.
L-Ispeaker qal li se jkun hemm arranġamenti fil-ħin kif diġà beda jsir, tant li issa l-Ispeaker se jkun jista’ jikkontrolla l-ammont ta’ ħin li jieħdu biex jitkellmu d-Deputati taż-żewġ naħat permezz ta’ sistema kompjuterizzata, li turi meta jiskadi l-ħin għall-kelliema. Is-Sala tal-Parlament se tkun tista’ tilqa’ b’kollox madwar 80 Membru Parlamentari.
Anġlu Farrugia kompla jispjega li minħabba li kien hemm kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ spazju fejn ipoġġu d-Deputati, kellhom isiru modifiki żgħar fl-imwejjed. Hu kkonferma d-deċiżjoni tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li l-Parlament se jkun qed jixxandar fuq it-televiżjoni minbarra fuq ir-radju.
//= $special ?>