Gwardjani ta’ ħabs f’Nevada, fl-Istati Uniti, qed jiġu akkużati b’cover-up ta’ sparaturi fuq ħabsi li ħallewh mejjet wara li dan kien involut fi ġlieda “bħall-gladjaturi”.
L-awtoritajiet jidhru qed ikaxkru saqajhom biex joħorġu d-dettalji ta’ x’seħħ dakinhar tal-każ f’Novembru li għadda. Li hu ċert hu li żewġ ħabsin, b’idejhom fil-manetti, kienu qed jiġġieldu fiżikament meta wieħed minnhom spiċċa maqtul b’għadd ta’ tiri ta’ arma tan-nar.
Il-priġunier l-ieħor ġie akkużat bil-qtil ta’ sieħbu u tpoġġa f’iżolament għal 18-il xahar anke jekk kollox jidher li dan qatt ma mess arma tan-nar b’idu. Meta seħħ il-każ, il-Pulizija kienet ħarġet dikjarazzjoni xotta fejn semmiet il-qtil ta’ priġunier imma ma semmietx li kien hemm involuta arma tan-nar jew li din ġiet sparata minn gwardjan tal-ħabs.
Dan l-aħħar irtiraw l-allegazzjoni ta’ qtil wara li nkixef il-fatt li l-arma ġiet sparata minn gwardjan li kien għadu qed jieħu taħriġ għal xogħlu.
L-avukati f’isem il-priġunieri qed jallegaw li l-gwardjani instigaw il-ġlieda billi waqqfu forma ta’ konkors qisha ġlieda bejn il-gladjaturi u li mbagħad ippruvaw jgħattuha billi waħħlu fil-priġunier li salva.
//= $special ?>