Internazzjonali

Il-Fillandja fi stat ta’ allert għal inġenju ‘li jista’ jkun sottomarin’

Il-qawwiet tal-baħar Fillandiżi tefgħu d-depth charges ( splussivi għal taħt il-baħar) fl-ibħra ‘l hinn minn Helsinki bħala twissija u fost suspetti dwar il-movimenti potenzjali ta’ sottomarin barrani fiz-zona.

Kelliema għan-Navy tal-Fillandja sostnew li, ilbieraħ, kien intlemaħ oġġett mhux identifikat fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżhom, bl-oġġett ‘jidher mill-ġdid’ anki llum.

L-inċident seħħ fost il-preokkupazzjoni sostanzjali (fir-reġjun) dwar l-eżerċizzji militari tar-Russja. Fil-fatt, f’Ottubru li għadda, l-Iżvezja kienet involuta fi tfittxija għal sottomarin barrani fost suspetti li l-inġenju kien infiltra l-ibħra ‘l barra minn Stokkolma.

Intant, l-Uffiċjali tal-qawwiet tal-baħar Fillandiżi infurmaw lill-istampa li l-isparar tad-depth charges kienu intiżi biss bħala twissija. Ingħad li ‘l-intenzjoni ma kenitx biex issir il-ħsara lill-oġġett iżda biex (il-Fillandiżi) jindikaw li saru jafu bil-preżenza tiegħu’.

Il-Ministru tad-Difiża Fillandiż, Carl Haglund, ma eskludiex li l-oġġett li ntlemaħ fil-Baħar Baltiku seta’ kien sottomarin iżda sorsi oħra man-Navy Fillandiża kienu aktar kawti fi kliemhom.

Filwaqt li l-awtoritajiet Fillandiżi ma qalux jekk jaħsbux ‘li r-Russja kienet involuta fil-każ’, il-Fillandja tinkwieta dwar l-eżerċizzji militari ta’ Moska, meta qed taqsam fruntiera ta’ 1,300 kilometru mal-pajjiż inkwistjoni.