Internazzjonali

Il-Greċja ma teskludix referendum dwar is-sitwazzjoni finanzjarja

Il-Greċja teskludi li terġa’ tagħmel elezzjoni ġenerali oħra, wara dik ta’ Jannar li għadda, imma ma teskludix li tagħmel referendum jekk il-pajjiż jibqa’ ma jasal għal ebda ftehim ma’ min sellfu l-flus, qabel is-6 ta’ Mejju.

Dakinhar, il-Greċja hi marbuta li tħallas lura madwar €750 miljun f’dejn imma l-Prim Ministru Alexis Tsipras qed jinsisti li l-prijorità hi li jitħallsu l-pensjonijiet u l-pagi.

Waqt li esprima t-tama li l-Greċja tilħaq ftehim ma’ min sellifha l-flus, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali, Tsipras qal li l-pajjiż ma fadallux flus imma ma jistax jiċċaqlaq għax ma jaqbilx mat-talbiet mill-UE għal riformi fosthom tnaqqis fil-pensjonijiet, liberalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u żieda fil-VAT.

Spjega li dan imur kontra l-mandat li għandu l-Gvern, li jnaqqas il-miżuri ta’ awsterità, u jekk il-Greċja se tibqa’ ssirilha pressjoni biex tmur f’din it-triq, mhu se jkollu ebda għażla oħra ħlief li jmur lura għand il-poplu biex jiddeċiedi hu.

Madankollu qal li jinsab kunfidenti li l-pajjiż se jtemm b’mod pożittiv in-negozjati li għaddej bihom bħalissa. Semma’ inizjattivi li fuqhom qed jaħdem il-Gvern, inkluż il-bejgħ tal-port ta’ Piraeus u l-kiri ta’ 14-il ajruport reġjonali. Il-Greċja qed tistenna wkoll li tingħata pagament ta’ bejn €3 u €5 biljun jekk tilħaq ftehim mar-Russja dwar l-enerġija.