Futbol Sport

Il-kowċ Roland Sollars u l-assistent Buttigieg iħallu lil Dingli Swallows

Il-kowċ Roland Sollars ħabbar li mhux se jkompli fit-tmexxija ta’ Dingli Swallows. Miegħu waqaf anke’ l-Assistent Kowċ Marco Buttigieg.
Wara li l-istaġun li għadda Sollars evita r-relegazzjoni ma’ Dingli, mgħejun ukoll mill-istess Marco Buttigieg, huma ġew ikkonfermati fit-tmexxija tal-klabb għall-istaġun li għadu kif intemm. Madankollu din is-sena l-klabb temm il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni fit-12-il post bi 19-il punt u għalhekk Dingli Swallows ġew relegati flimkien ma’ Għaxaq u Xgħajra Tornados.
F’messaġġ li kiteb fuq Facebook Sollars rringrazzja lill-amministrazzjoni u l-plejers tal-klabb.
Sollars għandu esperjenza vasta fix-xena lokali hekk kif fil-passat hu kkowċja lil Sirens, Pembroke Athleta u lil Swieqi United. Mexxa’ wkoll l-iskwadra ta’ taħt it-18-il sena ta’ Melita, lit-tim tan-nisa ta’ Hibernians u kien ukoll Assistent Kowċ ta’ Marsaxlokk fil-Kampjonat Premier.
Minn naħa l-oħra Buttigieg għadu relattivament ġdid fix-xena tal-kowċing u kien biss parti mill-istaff tekniku ta’ Santa Venera Lightnings FC qabel ngħaqad ma’ Dingli Swallows. Dan għaliex hu kellu karriera twila fil-futbol milgħub u rtira ta’ 38 sena wara li lagħab għal Hamrun Spartans FC, Marsa F.C., Vittoriosa Stars F.C., Santa Venera Lightnings FC, Attard F.C. kif ukoll Għargħur F.C.
Mhux eskluż li Sollars u Buttigieg jkomplu l-avventura flimkien ma’ klabb ieħor.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).