Internazzjonali

Kundannata l-priġunerija ta’ avukat tad-drittijiet umani fl-Ażerbajġan

L-Istati Uniti kkundannat it-trattament ta’ avukat tad-drittijiet umani taħt idejn l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan, meta l-avukat inkwistjoni qed jiskonta l-priġunerija b’konnessjoni ma’ akkużi li qed jidhru ferm dubbjużi.

Il-kundanna dwar il-każ tal-avukat, Intigam Aliyev, kienet espressa fuq il-websajt uffiċjali tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan; bl-Istati Uniti ssejjaħ biex hu jerġa’ jingħata l-liberta.

Intigam Aliyev spiċċa kkundannat għal seba’ snin u nofs ħabs waqt li hu anki pprojbit milli jżomm kariga uffiċjali għal talanqas tliet snin.

L-akkużi miġjuba kontra tiegħu jirreferu għal ‘attivita imprenditorjali illegali’; evażjoni tat-taxxa u abbuż ta’ poter, iżda l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan ikkuntestat il-validita tal-akkużi, bl-avukat innifsu jsostni li l-akkużi kienu xprunati bi skop politiku min-naħa tal-Gvern tal-Ażerbajġan.

Intigam Aliyev hu wieħed mill-aktar avukati magħrufa fejn tidħol id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

Ir-rappreżentanti legali ta’ Aliyev, fl-2011, kienu ħarġu stqarrija, li l-arrest tal-klijent tagħhom kien konness mal-attivitajiet tiegħu bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem; b’din l-azzjoni ssir fuq l-istruzzjonijiet politiċi minn fuq nett u bl-iskop li jagħlqulu ħalqu.

Fl-aħħar xhur il-Gvern Ażeri tal-President Ilham Aliyev ressaq l-akkużi kontra diversi attivisti oħra fl-Ażerbajġan fost l-ansjeta tal-Human Rights Watch u gruppi oħra li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem.