Is-Solidarity Overseas Service (SOS) Malta qed tappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jgħinu lil dawk milquta mit-terremot fin-Nepal fl-aħħar jiem. Minbarra l-ħsara kbira li ħalla warajh, dan it-terremot ħalla wkoll madwar 4,000 persuna mejta.
Fi stqarrija, SOS Malta qalet li se tkun qed taħdem flimkien ma’ għaqdiet internazzjonali oħrajn li diġà qed jgħinu lil dan il-pajjiż biex flimkien jistabilixxu dak kollu li hemm bżonn għal dawk milquta: ikel, ilma, ħwejjeġ u mediċina, fost oħrajn.
It-terremot tas-Sibt kellu qawwa ta’ 7.9 fuq l-iskala Richter u l-epiċentru tiegħu kien qrib il-kapitali Kathmandu. Nies li salvaw qalu li hekk kif beda t-theżżiż, l-art kienet qisha ilma tant kemm bdiet tiċċaqlaq. It-terremot inħass mhux biss fin-Nepal, iżda wkoll fl-Indja, il-Bangladesh u l-Pakistan.
Uffiċjali qalu li n-numru ta’ vittmi se jkompli jikber peress li l-aċċess lejn ħafna irħula hu imblukkat mill-valangi. Barraminhekk, l-isptarijiet fil-kapitali Kathmandu ma jistgħux jlaħħqu mal-midruba u mal-kumplament tal-persuni li qed jittieħdu fl-isptarijiet.
Biex tgħin lil dawk milquta minn dan id-diżastru naturali, SOS Malta qed tirċievi donazzjonijiet f’kontijiet bankarji fil-banek BOV, HSBC u APS. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ wkoll jikkuntatja lil SOS Malta jew billi taghti donazzjoni fis-sit uffiċjali ta’ SOS Malta, f’dan il-link.
APS a/c 20000245111 – HSBC a/c 006070932050 – BOV a/c 40013974950
//= $special ?>