Internazzjonali

Stat ta’ emerġenza f’Baltimore, fl-Istati Uniti

L-awtoritajiet fil-belt Amerikana ta’ Baltimore iddikjaraw stat ta’ emerġenza fost il-protesti vjolenti li qamu wara l-mewt ta’ raġel iswed li jingħad li sofra ġrieħi fatali waqt li kien qed jinżamm mill-pulizija.

Freddie Gray, raġel Amerikan ta’ dixxendenza Afrikana, miet fid-19 ta’ April li għadda wara li kien ilu ġimgħa f’koma. Intant, id-Dipartiment tal-Ġustizzja qed jinvestiga kif u fejn ir-raġel kien ġarrab il-feriti f’dahru, bl-uffiċjali jissospendu sitt pulizija li kienu involuti fil-każ.

F’Baltimore, bħalissa, daħlu fis-seħħ ir-regoli ta’ curfew waqt li fil-jiem li ġejjin jistgħu jinħarġu mal-5,000 membru tal-Gwardja Nazzjonali fuq impenji ta’ ronda f’din il-belt.

Matul il-lejl tat-Tnejn, bini tal-komunita li kienet għadha fi stadju ta’ kostruzzjoni spiċċat maħkuma min-nirien u wara li għexieren tan-nies kienu kkonfrontaw lill-pulizija. Mifhum li indarbu numru ta’ pulizija f’sensiela ta’ inċidenti vjolenti, bis-Sindku ta’ Baltimore, Stephanie Rawlings Blake, issostni li l-awtoritajiet qed jagħmlu minn kollox biex jerġgħu jieħdu kontroll tas-sitwazzjoni.