Tfajla Messikana, li nħatfet mill-awtoritajiet u ntbagħtet f’Texas fl-Istati Uniti, tħalliet tmur lura d-dar wara li testijiet indikaw li ma kinitx il-persuna mfittxija.
Il-każ seħħ ftit jiem ilu meta l-Pulizija Messikana marru l-iskola tat-tfajla, li għandha 14-il sena, ħatfuha bil-forza u bagħtuha l-Istati Uniti biex tingħaqad ma’ “ommha” li kienet ċerta li t-tfajla kienet bintha, imma dan irriżulta każ ċar ta’ identità żbaljata.
Il-mument li Alondra Luna Nunez inħatfet mill-Pulizija ġie ffilmjat u spiċċa jiġri fil-mezzi soċjali u ħoloq sensazzjoni fil-Messiku.
Nunez insistiet li hi ma kinitx it-tfajla li kienet qed tfittex l-omm, Dorotea Garcia, u testijiet tad-DNA fil-fatt urew li ma kellhom ebda parentela.
Il-każ beda fl-2007 meta Garcia għamlet rapport lill-Pulizija li missier bintha kien seraqha u ħadha l-Messiku. F’Marzu ta’ din is-sena, il-mara kienet waslet fir-raħal ta’ Nunez u għarfet lil Alondra bħala bintha għax għandha l-istess ċikatriċi fuq imneħirha.
Garcia ddispjaċiha mmens li kkaġunat daqshekk tbatija lit-tfajla u lill-familja propja tagħha iżda Nunez qalet li tifhimha u titlob li jirnexxilha ssib lil bintha. Sadattant trid biss tgawdi lill-familja naturali tagħha li issa reġgħet ingħaqdet magħha.
//= $special ?>