Il-Prim Ministru tan-Nepal qal li pajjiżu qed jiffaċċja kriżi umanitarja enormi daqslikieku għaddej minn sitwazzjoni ta’ gwerra, u meta fil-preżent il-Gvern qed jipprova jgħin lin-nies li għexu mit-terremot ta’ tmiem il-ġimgħa li ħalla l-eluf ta’ mejtin.
In-Nazzjonijiet Uniti kkalkulat li t-terremot affettwa mat-tmien miljun persuna li huma aktar minn kwart tal-popolazzjoni tan-Nepal. Intant, il-Prim Ministru Nepaliż, Sushil Koirala, sostna li l-Gvern tiegħu ma jistax ilaħħaq mal-kriżi ta’ emerġenza minkejja li qed jagħmel kulma jista’.
L-aħħar rapporti qalu li minkejja li qed tasal l-għajnuna minn barra fin-Nepal, l-inizjattivi ta’ fejda qed ikunu mfixkla mill-konġestjoni kontinwa fl-uniku ajruport li hemm fil-belt kapitali, Kathmandu.
L-ammont tal-mejtin b’kaġun tat-terremot tas-Sibt li kien jimmarka 7.8 fuq l-Iskala Richter hu kkonfermat bħala aktar minn 4,300. Madankollu, il-Prim Ministru Koirala qal li l-vittmi jistgħu, fil-fatt, jaqbżu l-10,000.
Koirala spjega li l-Gvern Nepaliż qed jistinka biex jappoġġja l-impenji tal-għajnuna u tas-salvataġġ fi zmien mill-aktar diffiċli għall-pajjiż, iżda l-istat tal-emerġenza qed jidher kbir wisq għar-riżorsi tan-Nepal. Sadanittant, in-nuqqas ta’ tagħmir għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza simili u ta’ persuni speċjalizzati għal dawn is-sitwazzjonijiet ifisser li ħafna mill-appelli għall-għajnuna li deħlin minn kull zona tan-Nepal ma jistgħux jintlaqgħu, almenu għalissa.
It-terremot anki ħalla mat-8,000 feruti, bir-rapporti jtennu li t-theżżiż sekondarju li dam għaddej għal ħafna wara ukoll irriżultaw fil-midruba. Fil-preżent, l-ilma, l-ikel u l-elettriku huma skarsi fin-Nepal u hemm il-biża’ li jfeġġu l-epidemiji tal-mard fl-inħawi affettwati mit-terremot.
L-awtoritajiet qalu wkoll li l-isfida saret aktar ikkumplikata minħabba l-ħalbiet tal-maltemp fir-reġjun tan-Nepal li hu ddominat mill-muntanji, bl-elementi ħorox qed ikunu wkoll konsistenti madwar l-epiċentru tat-terremot.
//= $special ?>