Kummerċ Lokali

800 ħaddiem ta’ CareMalta jżommu ruħhom attivi b’attivitajiet sportivi

Iktar minn 800 ħaddiem ta’ CareMalta ħadu sehem f’ġurnata ta’ attivitajiet sportivi organizzata mill-kumpanija li jaħdmu magħha.

L-impjegati li jaħdmu fid-disat idjar li l-kumpanija tħaddem flimkien ma’ dawk li jaħdmu fl-uffiċċji amministrattivi, ħadu sehem fl-attività annwali, li saret nhar it-Tnejn fil-Kulleġġ San Alwiġi, billi ħadu sehem f’diversi logħob u kumpetizzjonijiet.

“L-għan wara l-attività hu li nlaqqgħu kemm jista’ jkun impjegati biex flimkien, jinsew ix-xogħol u jiltaqgħu f’ambjent iktar rilassat u jieħdu pjacir flimkien, filwaqt li fl-istess ħin jagħmlu ftit eżerċizzju fiżiku”, qalet Nathalie Briffa Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta.

Il-Kap Eżekuttiv, tal-kumpanija li tifforma parti mill-Grupp Vassallo, qalet li l-impjegati jieħdu sehem fl-attivitajiet b’entużjażmu u f’dan il-jum jattendu wkoll il-qraba u ħbiebhom biex jagħtuhom appoġġ.

Spjegat li r-rebbieħ din is-sena kien it-tim ta’ Casa Arkati.