L-Ewroparlamentari Malti David Casa, f’dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar l-immigrazzjoni, saħaq li waqt li hemm ħtieġa ta’ soluzzjoni Ewropea għall-problema, l-Ewropa ma tistax issolviha weħidha u jeħtieġ li pajjiżi ġirien, li huma ġeografikament u kulturalment qrib minn fejn toriġina l-problema, jintervjenu, jikkontribwixxu biex isalvaw il-ħajjiet u jagħtu l-ħarsien lil min verament jeħtieġu.
Il-kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet fit-tul biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni li tolqot b’mod partikolari lil pajjiżi tal-fruntiera tal-UE bħal Malta.
David Casa saħaq li waqt li l-Ewropa taqbel li immigranti m’għandhomx jintbagħtu lura minn fejn ikunu ġew, il-problema trid tiġi indirizzata minn fejn toriġina li ħafna drabi hu lil hinn mill-Mediterran.
Fid-dibattitu ħadu sehem il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.
//= $special ?>