Lokali

Dipendenza fuq l-‘overtime’ biex ilaħħqu mal-ispejjeż

Il-ħlas tal-ħaddiema fil-manifattura u ta’ 46% tal-medja tal-Unjoni Ewropea, waqt li fis-settur tas-servizzi, il-paga hi n-nofs tal-medja Ewropea.

Dan qed iwassal biex il-ħaddiem Malti għadu qed jiddependi ħafna mill-overtime sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-ħajja. Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella meta indirizza konferenza organizzata biex tfakkar Jum il-Ħaddiem. F’diskors li matulu silet l-isfidi li qed jiffaċċja l-ħaddiem bħalissa.

Josef Vella qal li ħafna pensjonanti qed ikomplu jagħtu sehemhom fid-dinja tax-xogħol. Iżda dan mhux b’għażla imma għax bi bżonn biex ilaħħqu mal-ispejjeż għax id-dħul tagħhom ikun waqa’.

Dwar il-prekarjat, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM ma qgħadx jomgħod il-kliem u qal li dan għadu magħna, u mhux qed jara tenttativi serji biex jiġi eliminat.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, Josef Vella qal li għalkemm il-qgħad nieżel u qed jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, numru mhux żgħir minn dawn l-impjiegi nħolqu fis-settur pubbliku u mhux neċessarjament impjiegi bħal infermieri, paramediċi u għalliema fost oħrajn.

Tkellem ukoll dwar it-trejdjunonizmu ħieles, fejn Josef Vella sostna li għalkemm il-Prim Ministru Joseph Muscat jitkellem dwar trattament ugwali mill-Gvern fil-konfront tal-unions, in-nies qrib tiegħu qed jagħmlu eżatt bil-maqlub. Hu staqsa jekk hux veru li l-unions qed ikunu trattati l-istess u jekk hux veru li m’hemmx indħil.
Josef Vella allega li hemm nies li qed jaħdmu kontra l-UĦM fejn diversi Ħaddiema membri tagħha jirċievu telefonati jgħidulhom biex jirriżenjaw mill-UĦM u jgħidulhom li din il-union ma tgħoddx għalihom.

Dwar l-MCESD, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora lill-MCESD u l-affarijiet fl-MCESD għandhom jiġu diskussi u miġjuba għall-attenzjoni tal-imsieħba soċjali f’ħinhom u f’waqthom. Hu rrefera b’mod speċjali għall-qasam tas-saħħa fejn il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Karin Grech saru jafu ħabta u sabta li se jingħataw lill-privat.

Josef Vella għamel referenza wkoll għat-traġedja tal-immigranti tal-ġimgħa li għaddiet u tenna li l-politika internazzjonali falliet fil-konfront tal-kontinent Afrikan.