Tul din is-sena, Kim Jong-un, id-dittatur tal-Korea ta’ Fuq, ordna l-eżekuzzjoni ta’ 15-il persuna fil-Korea ta’ Fuq. Fosthom kien hemm diversi uffiċjali għolja fir-reġim li jmexxi.
Dan żvelah is-servizz sigriet tal-Korea t’Isfel f’rapport ippreżentat fil-Parlament f’Seoul. Intqal li l-indikazzjonijiet huma li dawn inqatlu minħabba akkużi ta’ spjunaġġ.
Imma fost dawk maqtula kien hemm żewġ Viċi Ministri li kienu kkritikaw il-politika ta’ Kim, kif ukoll membri ta’ orkestra.
Kim Jong-un ilu fil-poter tliet snin wara li wiret il-poter mingħand missieru.
Issa hemm possibbiltà li l-ġimgħa d-dieħla jmur ir-Russja għaċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa fuq il-Ġermanja Nażista. Jekk imur, dan se jkun l-ewwel vjaġġ barrani minn mindu ħa l-poter.
Eżekuzzjonijiet ta’ uffiċjali għolja fil-Korea ta’ Fuq
