Lokali

Filmat: Ma jeżisti l-ebda Konsolat Malti fiċ-Ċina

Fiċ-Ċina ma jeżisti l-ebda Konsolat Malti, fejn suppost taħdem il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi Liang, għal xogħol li ħadd ma jaf x’inhu u li tiegħu qed taqla’ €13,000 fix-xahar.

Dan ħareġ waqt il-programm “Tagħna Lkoll” fuq Radio 101, ippreżentat minn David Thake, li semma’ recording ta’ telefonata li għamel iktar kmieni matul il-ġurnata lill-call centre tal-Gvern Ċiniż Shanghai.

Fit-telefonata, David Thake talab kuntatt tal-Konsolat Malti f’Shanghai. Madankollu r-rappreżentanta tal-call centre li rrispondiet it-telefonata, u li lanqas kienet taf b’Malta tant li talbet lil Thake biex jispelli l-isem, qalet li m’għandha l-ebda informazzjoni u li l-Konsolat Malti f’Shanghai ma jeżistix.

Minkejja li Sai Mizzi ilha tant taqla’ paga tant kbira, avolja lanqas il-Gvern Ċiniż ma jaf biha, s’issa l-poplu Malti għadu ma jafx x’qed tagħmel fiċ-Ċina, fejn tinsab u minn fejn qed taħdem il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.

Barra minn dan, fis-sit elettroniku tal-Ministeru Malti tal-Affarijiet Barranin, fil-lista tar-rappreżentanti Konsolari ta’ Malta fiċ-Ċina, wieħed isib biss lil Vivien Chou Chen li taħdem minn uffiċċju f’Hong Kong.