Lokali

Il-Frekwenzi tal-Ktieb

Fid-dawl tat-traġedja umana li qed isseħħ quddiem għajnejna fil-Mediterran, nibda nifhem kemm fil-ħajja kważi kollox jitlef ir-relevanza tiegħu. L-inġustizzji umanitarji li jżommu f’oppressjoni assoluta lil diversi pajjiżi fil-kontinet tal-Afrika ma jħallu lill-bniedem l-ebda tama ħlief dik lil hinn minn xtutu, anke jekk f’din l-istess tama jista’ jagħraf ir-riskju tat-traġedja.

Tiġi kemm tiġi diskussa l-immigrazzjoni, x’aktarx qatt ma tinstab soluzzjoni minħabba n-nuqqas ta’ ċiviltà edukattiva li tikkaratterizza lill-Afrika. Dan, ċertament għandu jkun l-ewwel pass ‘il quddiem. Minn hemm imbagħad għandna l-obbligu bħala pajjiż li nsibu bilanċ bejn dak li hu ‘immigrant’ u dak li hu ‘uman’ biex nagħtu lura d-dinjità tal-individwu.

Aħna bħala pajjiż ċivilizzat u demokratiku ma nistgħu qatt nifhmu d-diffikulatjiet li jwasslu lil dawn l-imsejkna jħallu kollox – jew ix-xejn – warajhom u jfittxu ħajja ġdida, ħajja li tixraq lill-umanità. Xi kultant nibża’ li ninsabu wisq magħluqin f’comfort zone għalina nfusna biex verament nagħrfu dan kollu, liema attitudni ta’ spiss twassal għal insensittività arroganti fil-konfront tal-kwistjoni tal-immigranti u l-immigrazzjoni in kwestjoni. It-triq ‘il quddiem? Mill-perspettiva ta’ edukatur imżewqa b’dik politika nifhem li bħala pajjiż irridu noffru aktar opportunitajiet lil uliedna biex il-ġenerazzjonijiet ta’ għada jitilgħu bil-wisq aktar tolleranti.

Xi ġimgħat ilu, fuq il-programm Newsfeed fuq net televixin kont qiegħed niddiskuti l-inklużjoni, u dakinhar ftaħt l-argument tiegħi billi fissirt kemm x’aktarx għadna lura fil-produzzjoni ta’ kotba u testi għall-iskejjel li mhux neċċessarjament jippromwovu l-inklużjoni tar-razza u r-reliġjonijiet differenti, imma li jibdew iqisuhom bħala parti minn ħajjitna, bħala parti minn stil kulturali li xi minn daqqiet narah mikul minn ideat razzisti li llum huma intolerabbli.

Xi rrid infisser b’dan. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-kotba ta’ produzzjoni Ingliża, jinnota kif il-kunċett ta’ kulturi mżewqa huwa standard u mistenni dejjem. Għall-kuntrarju, huma ftit wisq il-kotba ta’ produzzjoni Maltija li jinkoraġġixxu dan l-istil ta’ kulturi mħallta.

Il-ġimgħa li għaddiet iċċelebrajna l-Jum Internazzjonali tal-Ktieb. Lil hinn mill-argumenti li ġibt aktar ‘il fuq, jidher li kull ma jmur qegħdin naffaċċjaw problema biex nistabilixxu tradizzjoni ta’ qari għall-mogħdija taż-żmien fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Din hija marda li qiegħda tinfirex u qed ikollha impatt sostanzjali fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa.

Inħoss li l-ktieb fl-idejn tilef kull popolarità, u minkejja li llum il-ktieb – b’dak Malti inkluż – qiegħed ikun dejjem aktar attraenti, mhuwiex sinkronizzat mal-ħajja ta’ wliedna. Osservazzjoni interessanti hi li snin ilu, il-ktieb kien għadu meqjus bħala rigal ta’ valur iżda mhux l-istess jista’ jingħad għal-lum. L-evoluzzjoni teknoloġika mhix qed tkompli tgħin, anke jekk hemm diversi mezzi kif it-tfal tagħa jistgħu jitgħallmu mill-gagdets fl-idejn.

Jien li l-ktieb huwa tant għal qalbi, ninnota diżinteress dejjem jikber fil-kotba… Allura hawnhekk ikolli bla ma rrid inneħħi l-kappell ta’ edukatur u politiku u nxidd dak ta’ ġenitur u nibda nistaqsi d-diversi mistoqsijiet li jixirqilhom tweġiba immedjata. L-aktar ħaġa li tinkwetani huwa l-fatt li wliedna mhumiex esposti għall-ktieb. Huwa veru li hemm il-libreriji fil-maġġoranza tal-iskejjel, huwa vera li kważi kull lokalità llum għandha librerija imma huwa vera wkoll li t-tfal mhumiex jaraw il-ktieb f’idejn il-ġenituri tagħhom, u aktar minn hekk, mhumiex iqattgħu dak il-quality reading time magħhom.

Ir-riċerka turi li l-qari jesponi lit-tfal, anke minn età żgħira, għal-lingwa tant li jekk ikunu disponibbli għal ħafna qari jiżviluppaw ħiliet fil-litteriżmu minn kmieni u għall-kuntrarju, in-nuqqas ta’ kuntatt mal-kotba jaf ikollu impatt negattiv fl-iżvilupp mhux biss akkademiku imma anke soċjali u interattiv. Illum nafu minn diversi studji li l-qari jgħin lit-tfal jassoċċjaw dak li hu fittizju fil-kotba ma’ dak li huwa reali fil-ħajja ta’ kuljum. Imma l-aktar ħaġa affaxxinanti hija li jekk kemm-il darba l-ġenituri jqattgħu ftit minn ħinhom jaqraw ma’ wliedhom, dan minnu nnifsu jnissel kuntatt bejn il-ġenituri u l-ulied li jittrażmetti f’esperjenza pożittiva bejn iż-żewġ partijiet li mbagħad b’mod indirett jirriżulta f’relazzjonijiet aktar wesgħin bejnithom ‘il quddiem.

Proprju għalhekk għandu jiġi enfasizzat il-qari mhux biss għall-istudenti tagħna, imma wkoll għandna ninkoraġġixxu lill-ġenituri jqattgħu ħin jaqraw lil uliedhom. Għalhekk, minħabba li jidher li għandna diffikultà nesponu l-kotba għall-ġenerazzjonijiet li telgħin, irridu nkunu innovattivi u naraw kif nistgħu litteralment inżeffnu l-ktieb fin-nofs.

Min jaf kieku kellna niftħu libreriji pubbliċi fil-playgrounds fejn it-tfal iħabbtu wiċċhom mal-ktieb mingħajr ma jridu? Għaliex m’għandhomx il-klabbs sportivi – speċjalment tal-futbol – jinvestu f’libreriji żgħar b’kotba li lkoll ikunu relatati mad-dixxiplini sportivi rispettivi? X’hemm ħażin li ż-żgħażagħ tagħna jżewġu d-dixxiplini sportivi mal-qari dwar l-istess sport u sportivi li kellhom suċċessi kbar fil-passat?

Nikkonkludi billi nagħmel osservazzjoni qasira oħra. Matul dawn l-aħħar xhur kemm ilni niltaqa’ mal-familji – bħala Kandidat għall-elezzjoni ġenerali – ma stajtx ma nintebaħx bin-nuqqas serju ta’ kotba li lmaħt fid-djar. Il-preżenza tal-ktieb fiha nnifisha hija għanja u tnissel imħabba indiretta lejn il-ktieb. Ninnota li t-tifla tiegħi, ta’ 3 snin għandha mħabba partikolari għall-ktieb… mhux għax twieldet hekk, imma propju għax telgħet f’ambjent fejn il-ktieb huwa kontinwament preżenti f’ħajjitna.

Jalla jkollna l-opportunità ngħaddu dan il-wirt tant importanti lil uliedna. Min-naħa tiegħi bħala eduktur u kittieb, il-ktieb huwa opportunità li permezz tiegħu nwassal messaġġ. Illum qiegħed ukoll illaqqa’ l-esperjenzi politiċi ma’ dawk soċjali biex il-vuċi tal-emarġinat tinstema’ dejjem aktar.

Jekk tinzerta f’ħanut tal-kotba, il-ktieb li jmissek tixtri għalik huwa ‘Frekwenzi Msikkta’, ġabra ta’ novelli tiegħi – ko-awtur – li jagħtu ħajja lil dak li ġeneralment ninsew. Kif tkun hemm, ixtri tnejn għal uliedek!