Wara li għalaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa b’mod prematur,issa l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid li l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa għas-sena d-dieħla jista’ jiftaħ xorta waħda.
Kienu diversi dawk li, wara d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru, ħasbu li d-deċiżjoni ta’ Muscat it-Tnejn li għadda kienet waħda deċiżiva.F’kumment lix-xandir tal-Istat waqt iż-żjara li qed jagħmel fl-Ażerbajġan, il-Prim Ministru qal li jekk il-Kumitat ORNIS jerġa’ jirrakkomanda l-ftuħ tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-2016, il-Gvern ma jsib l-ebda problema li jerġa’ jiftħu.
Ftit minuti biss wara l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat tar-Referendum, f’konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja, il-Prim Ministru kien qal li dan kien l-aħħar ċans għall-kaċċaturi u li mal-ħażin se jeħel it-tajjeb. It-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru għalaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa tlett ijiem qabel kellu jagħlaq, wara numru ta’ illegalitajiet li laħqu l-qofol tagħhom bl-isparatura fuq Spanjulett, li spiċċa waqa’ ferut f’bitħa mimlija Tfal tal-Iskola.
Fuq Twitter, Muscat kiteb li dan il-każ mhuwiex skużabbli u għaldaqstant iddeċieda li jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa b’effett immedjat.
Dwar dan l-aħħar każ, il-kaċċatur ta’ 25 minn Bormla Kirstin Mifsud intbagħat sena ħabs u ngħata multa ta’ 5,000 ewro mill-Maġistrat Frencesco Depasquale wara li tressaq il-Qorti lbieraħ waranofsinhar. Barra minhekk, kien ordnat li Mifsud, magħruf bħala “Il-Benghażi”, titteħiedlu l-liċenzja.
//= $special ?>