Lokali

Il-PN b’proposti għall-proċess tad-donazzjonijiet tal-organi

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li mexxa proċess ta’ konsultazzjoni interna kif ukoll mal-istakeholders primarji fejn ġie diskuss id-dokument maħruġ mill-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika imsejjaħ “Proposal for Legislation on Organ and Tissue Donation”.

Waqt l-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari, l-Partit Nazzjonalista approva numru ta’ proposti, filwaqt li se jibqa’ miftuħ għal diskussjoni aktar wiesgħa dwar dan is-suġġett li jitlob sensittività etika.

Il-Partit Nazzjonalista qal li qed jipproponi li pajjiżna għandu jilleġiżla sabiex is-sistema timxi minn dik preżenti fejn id-donatur mhux rikonoxxut bil-liġi u fejn il-qraba jistgħu jbiddlu dik id-deċiżjoni (Soft Opt-In System), lejn sistema fejn ix-xewqa tad-donatur tkun rikonoxxuta bil-liġi, fejn il-qraba – ħlief f’każijiet rari ħafna – ma jistgħux ibiddlu x-xewqa tad-donatur, jiġifieri dik li tissejjaħ “The Hard Opt-in System”.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li din is-sistema hija waħda li, filwaqt li tirrispetta għażla ħielsa ta’ kull individwu, ma timponix fuq l-ebda individwu li l-istat jista’ jiddisponi minn ġisem ta’ persuna kif ikun il-bżonn. Minn naħa l-oħra, l-Hard Opt-In System tiggarantixxi li l-għażla ħielsa li persuna ssir donatur tkun rispettata wara l-mewt.

Il-Partit Nazzjonalista ppropona wkoll li l-età biex persuna tkun tista’ (minn jedda) ssir donatur tinżel minn 18-il sena għal 16-il sena. Il-Partit Nazzjonalista jħoss li la darba ż-żgħażagħ qed jingħataw rwol aktar responsabbli fis-soċjetà mill-età ta’ sittax, din għandha tkun l-età li fiha jistgħu juru maturità adegwata biex fil-libertà u jekk iridu, huma wkoll jirreġistraw ruħhom bħala donaturi.

Apparti minn hekk, fil-leġiżlazzjoni għandu jkun hemm ukoll il-possibilità li, jekk persuna ma tkunx irreġistrata bħala donatur imma l-familja tkun taf li dik il-persuna esprimiet din ix-xewqa qabel il-mewt, il-familja xorta waħda tkun tista’ tagħti l-organi ta’ dik il-persuna liberament.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li l-poplu Malti diġà wera li huwa konxju tal-att altruwist ta’ donazzjoni tal-organi u fil-fatt huwa poplu minn ta’ quddiem f’dan il-ġest hekk nobbli. Il-liġi għandha għalhekk taġevola l-altruwiżmu tal-poplu Malti li mingħajr il-leġiżlazzjoni qed juri li jirrikonoxxi dan il-ġest.

Sabiex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni tad-donaturi, bil-Partit Nazzjonalista jipproponi li ssir kampanja informattiva u estensiva. Donaturi prospettivi għandu jkollhom il-faċilità li jirreġistraw lilhom infushom meta jmorru għal servizz tas-saħħa f’kull livell ta’ kura. Dan għandu jsir fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-isptarijiet kollha. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun ċentralizzata u aċċessibli. Jekk persuna tirreġistra ruħha imma wara xi żmien tirtira dik ix-xewqa, dan għandu jkun reġistrat ukoll. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun waħda faċli u komprensiva sabiex ix-xewqa tad-donaturi tkun dejjem ċara u tiġi rispettata. Għandha tiġi wkoll segwita proċedura ċara biex jiġi ottenut il-kunsens ta’ persuna biex issir donatur.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li se jkun qed jipparteċipa bi sħiħ f’kull livell ta’ diskussjoni fil-proċess tal-leġiżlazzjoni sabiex jara li din tkun tħares ir-rieda tal-individwu u d- dinjità tiegħu f’dan il-ġest nobbli.