Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron qed jiġi akkużat li hu superfiċjali wara li żbalja t-tim li qal li ilu jżomm miegħu minn meta kien żgħir.
Cameron ammetta li kien qed isofri minn “brain fade” meta waqt li kien qed jitkellem f’attività tal-kampanja elettorali tiegħu dalgħodu, iċċajta li kulħadd għandu jżomm mat-tim favorit tiegħu imma mbagħad semma lil West Ham minflok Aston Villa, li iktar tard qal li ilu jżomm miegħu minn dejjem.
David Cameron ammetta li ilu jżomm ma’ Aston Villa minn meta kien ra lit-tim jegħleb lil Bayern Munich fil-finali tat-tazza Ewropea meta kien tifel, imma ma kienx jiftakar f’liema sena kienet il-logħba jew min kien skurja l-gowl rebbieħ.
Il-Prim Ministru Ingliż waħħal fl-għejja u l-ħafna diskorsi li għamel matul il-kampanja, għaż-żelqa fid-dikjarazzjoni tiegħu. Qal li “ma nafx xi ġrali. Kienet waħda minn dawk l-affarijiet”.
Il-Partit Laburista Ingliż wieġeb mill-ewwel u ddeskriva dak li seħħ bħala episodju li jesponi kemm Cameron hu artifiċċjali. Skont Alistair Campbell, li kien jieħu ħsieb il-komunikazzjoni ta’ Downing Street taħt l-aħħar Gvern Laburista, dak li seħħ “jgħid ħafna dwar il-karattru ta’ David Cameron”.
//= $special ?>