Internazzjonali

Jintilef il-kontroll ta’ vettura spazjali Russa

Intilef il-kontroll tal-vettura spazjali Russa Progress M-27M, li tintuża biex jitwasslu l-provvisti fuq l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali (ISS). Hemm tħassib li l-Progress tista’ tkun nieżla lejn id-dinja.
Nhar it-Tlieta, il-Progress telqet mill-Każakstan imma ftit wara ntilef il-kontroll tagħha. Issa sar magħruf li din qed iddur mingħajr kontroll fl-ispazju. Xjenzjati Russi qed jippruvaw jiksbu lura l-kontroll iżda ftit hemm tama li jirnexxilhom jagħmlu dan. Barra minn hekk, għalissa ma jistgħux jistabbilixxu fejn tista’ taqa’ fid-dinja.
In-NASA qalet li abbord m’hemm xejn essenzjali u l-ISS tista’ tkompli tiffunzjona sal-missjoni li jmiss li se tkun f’Ġunju. Fost l-affarijiet li kienu ntbagħtu abbord il-Progress kien hemm kopja tal-bandiera Sovjetika li kienet ittellgħet fuq Berlin fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Din intbagħtet biex tintuża mill-kosmonawti Russi waqt it-tifkiriet tad-9 ta’ Mejju meta r-Russja tfakkar ir-rebħa fuq il-Ġermanja Nażista.