Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal li kien żball kbir li twaqqfet il-ħidma militari mill-Italja minħabba l-immigrazzjoni, magħrufa bħala ‘Mare Nostrum’, għaliex minħabba f’hekk kienu tilfu ħajjithom ħafna nies.
Hu qal dan waqt sessjoni tal-Parlament Ewropew l-Erbgħa fi Strasburgu, iddedikata għas-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. L-immigrazzjoni u l-mewt ta’ refuġjati fil-Mediterran reġgħu kienu t-tema ta’ diskussjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew li fih kien hemm preżenti l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.
Is-sessjoni ntemmet b’vot unanimu – 449 favur, 130 kontra u 93 astensjoni – għal riżoluzzjoni li tfassal kwoti nazzjonali għar-refuġjati u aktar mezzi għall-Frontex, l-aġenzija inkarigata mill-fruntieri tal-UE.
Ir-riżoluzzjoni tappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika tal-UE u dik tal-pajjiżi membri biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni u biex ikun hemm kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika.
Tisħaq ukoll biex ikun hemm sanzjonijiet kriminali mill-aktar ħorox kontra t-traffikar u l-kutrabandu u tħeġġeġ lill-pajjiżi membri u lill-aġenziji tal-UE biex jaħdmu aktar flimkien biex isibu u jitraċċaw il-finanzjament ta’ dawn ix-xbieki kriminali u biex jidentifikaw il-mod kif jaħdmu biex ma jkunux jistgħu jagħmlu l-flus billi jpoġġu l-ħajjiet tal-immigranti fil-periklu.
Juncker qal li kien sodisfatt li l-flus għall-ħidma tal-UE minflok ‘Mare Nostrum’, ‘Triton’, kienu aċċettati. Waqt is-summit tal-Unjoni Ewropea tal-ġimgħa li għaddiet, kien deċiż li s-somma allokata għal din il-ħidma titla’ għal 120 miljun ewro. Dan biex tinġieb għal-livell ta’ ‘Mare Nostrum’.
Juncker fakkar li l-Italja waħedha kienet iffinanzjat il-ħidma ta’ ‘Mare Nostrum’. Hu żied iżda li kien ftit deluż bit-tweġiba mis-summit tal-ġimgħa li għaddiet għall-kriżi tal-immigrazzjoni, għaliex mhix biżżejjed.
Hu qal li jekk wieħed jagħlaq il-bieb, dawn kienu se jippruvaw jidħlu mit-tieqa, b’referenza għad-dħul tal-immigranti bil-baħar fl-Ewropa u l-għassa fil-Mediterran li se jibda jkun hemm. Hu qal li hemm bżonn li ssir ħidma biex l-immigrazzjoni tiġi regolarizzata.
Hu qal li hemm bżonn strateġija Ewropea ġdida rigward l-immigrazzjoni biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ kwoti li jmur lil hinn minn xi ħaġa volontarja. Juncker qal li s-solidarjetà tal-Ewropa trid tkun xi ħaġa maqsuma bejn il-pajjiżi kollha.
L-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni issa se tkun ippreżentata fit-13 ta’ Mejju.
//= $special ?>