Ewropa

L-immigrazzjoni mill-ġdid it-tema fil-Parlament Ewropew

L-immigrazzjoni u l-mewt ta’ refuġjati fil-Mediterran reġa’ kien it-tema ta’ diskussjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew illum li fih kien hemm preżenti l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.

Iċ-Chairman tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Manfred Weber saħaq li l-mewt ta’ eluf ta’ refuġjati fil-Mediterran hi traġedja li tmiss lil kulħadd u li għandha sservi bħala inċentiv biex jaġixxu.

Weber laqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew nhar il-Ħamis biex iżid il-fondi għat-tiftix u s-salvataġġ u biex isaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-immigranti. Iddeskriva din id-deċiżjoni bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.

Iċ-Chairman tal-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew saħaq fuq id-dmir li l-Ewropej jilqgħu lil min qed jaħrab mill-gwerer. Insista li għandu jkun hemm iktar qsim tal-piż mill-istati membri li għandhom jilqgħu iktar refuġjati għandhom f’mekkaniżmu ta’ solidarjetà.

Weber spjega li jekk l-Ewropa tiftaħ il-bibien tagħha għall-immigrazzjoni legali għall-ħaddiema, dan ma jsolvix il-problemi tal-Afrika. Saħaq li għalhekk l-Ewropa għandha taħdem fi sħubija ma’ pajjiżi Afrikani.