Kultura Lokali

Mużika ritmika u folkloristika mill-Commonwealth għall-Għanafest 2015

Fit-tmiem il-ġimgħa bejn il-Ġimgħa 12 u l-Ħadd 14 ta’ Ġunju se ssir l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għanafest, din id-darba b’sehem qawwi ta’ artisti internazzjonali mill-pajjiżi tal-Commonwealth.

Il-festival ta’ mużika folk minn madwar il-Mediterran, fil-Ġonna Argotti fil-Furjana, qed isir mill-Kunsill Malti għall-Arti bis-sostenn tal-Ministeru tal-Kultura, CHOGM Malta 2015, il-lukanda Phoenicia, MSV Life u l-istazzjon nazzjonali.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jkun hemm strumenti minn pajjiżi jew reġjuni tal-Commonwealth li fl-aħħar snin saru wkoll popolari ħafna madwar id-dinja.

Iż-żagħżugħ Jali Diabate se jkun qed jesponi l-aspetti atmosferiċi u maġiċi tal-kora, li hija l-arpa tradizzjonali u popolari fl-Afrika tal-Punent. Illum dan l-istrument infirex mal-Afrika kollha, kif ukoll fi Franza u fir-Renju Unit.

Ashwin Batish, li ġej minn familja mużikali Indjana, se jwassal in-niċċa tiegħu bħala daqqaq brillanti tas-sitar fejn jadattah għall-kanzunetti popolari u jimprovizza f’oqsma differenti mużikali.

Il-grupp Rura, mill-Iskozja, se jippreżenta mużika Keltika mimlija enerġija, emozzjoni u melodija. Rura jdoqqu strumenti tradizzjonali Keltiċi bħall-fifra, il-flawt, il-vjolini u l-bodhran fi stil li jirrifletti ħafna l-passjoni kbira li għandhom għal art twelidhom.

Ma’ dawn il-protagonisti jingħaqdu l-artisti Maltin, żgħażagħ u veterani, fosthom Rita Pace, Yvette Buhagiar, Evan Plumpton, Corazon, u mużiċisti llum mogħnija b’ċerta esperjenza bħal Walter Vella u Domenic Galea, flimkien ma’ bosta għannejja u mużiċisti oħra.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Għanafest se jkun hemm ukoll is-sehem taż-żfin tal-Flamenco, mill-Allegria Dance Company, u t-tagħlim tas-snajja’ folkoristiċi lit-tfal. Magħhom jiżdied l-ikel Malti li se jkun għall-bejgħ minn diversi gabbani.

Il-kunċerti kollha jibdew fis-7pm. Il-biljetti jiswew €3 għal kull serata jew €7 għal tlett iljieli u jistgħu jinxtraw mill-bieb.