Patri Mark Montebello jingħata dak li jissejjaħ ‘Preċett Formali’ mill-Provinċjal tal-Ordni Dumnikan wara t-tberik tal-par ċrieket ta’ koppja tal-istess sess f’ċelebrazzjoni ta’ għerusija
L-istorja dwar it-tberik ta’ par ċrieket ta’ koppja tal-istess sess f’għaqda ta’ għerusija mill-Patri Dumnikan Mark Montebello għadha ma arkivjatx ruħha tant li fil-jiem li għaddew il-Provinċjal tal-Ordni Dumnikan jidher li għamel dak li jissejjaħ ‘Preċett Formali’ lil Patri Mark Montebello.
Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com, meta mitluba jispjegaw xi jfisser li membru ta’ ordni reliġjuż bħal dak Dumnikan jingħata Preċett Formali, qalu li huma jqisu membru bi Preċett Formali bħala membru li jkun ingħata twissija severa ħafna u kemm-il darba dan ma jirregolax lilu nnifsu b’mod rigoruż man-normi u l-obbligi tal-istess Ordni, allura jkun tassew qiegħed juri sinjali ta’ nuqqas ta’ ubbidjenza u r-riżultat jista’ jkun li saħansitra jitkeċċa mill-Ordni.
Dan is-sit hu infurmat li t-tmexxija tal-Ordni Dumnikan f’Malta, inkluż il-Provinċjal Frans Micallef op, kienet tassew irrabjata għal dak li għamel Patri Mark Montebello fil-Balluta nhar il-Ġimgħa 10 ta’ April.
Meta membru ta’ Ordni jingħata ‘Preċett Formali’ jkun ifisser li ngħata twissija severa li jekk ma jirregolax ruħu man-normi tal-Ordni, ikun qed juri sinjali ta’ nuqqas ta’ ubbidjenza, u jista’ saħansitra jitkeċċa
Tant hu hekk, li mhux eskluż ukoll li minn Malta sar kuntatt mal-Ordni f’Ruma biex mhux biss jingħata parir kif se jittieħdu passi dwar dak li ġara – kemm-il darba kien hemm il-ħtieġa li jsir dan – iżda wkoll biex ikunu infurmati b’dan l-eċċess ta’ abbuż fi ħdan l-Ordni.
Naturalment sar kuntatt immedjat ukoll mill-Ordni mal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana fejn iżda l-parir kien li wieħed m’għandux jgħaġġel u qabel kollox jinġabru l-fatti kollha dwar dak li kien qiegħed ikun rappurtat fil-media soċjali.
L-għada li saret iċ-ċerimonja tat-tberik tal-par ċrieket lil koppja tal-istess sess f’għaqda ta’ għerusija – jiġifieri l-koppja Nicholas u Edward – fil-midja soċjali mhux biss ħarġet l-aħbar ta’ dak li kien għamel Patri Mark Montebello, iżda bdew jidhru wkoll numru ta’ ritratti b’Patri Mark Montebello jbierek iċ-ċrieket simbolu tal-għaqda bejn dawn iż-żewġt irġiel.
Ritratt: It-tberik taċ-ċrieket minn Patri Mark Montebello waqt engagement bejn koppja tal-istess sess (Ritratti: Hush Photographers, Gay Weddings Malta)
L-affarijiet f’din l-istorja komplew jaggravaw meta kienu l-ġurnali li mbagħad ħarġu formalment bl-istorja u allura la l-Kurja tal-Arċisqof u lanqas l-Ordni Dumnikan Malti ma setgħu jibqgħu passivi u l-pass li kien imiss kien dak li l-Kurja ssejjaħ lil Patri Mark Montebello għal laqgħa mal-Arċisqof Charles Scicluna fil-preżenza tal-Vigarju Ġenerali Fr Joe Galea Curmi u tal-Provinċjal Frans Micallef.
Is-sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li bejn il-Ġimgħa – meta sar it-tberik tal-par ċrieket – u t-Tlieta, meta saret il-laqgħa tal-Arċisqof ma’ Patri Mark Montebello, probabbilment kienet saret laqgħa oħra fuq inizjattiva tal-Provinċjal Frans Micallef li widdeb serjament lil Patri Mark Montebello li inizjattivi bħal dawn mhumiex tollerati fi ħdan l-Ordni għax imorru għalkollox kontra dak li tipprietka d-duttrina tal-Knisja.
Fil-laqgħa li l-Arċisqof kellu ma’ Patri Mark Montebello żgur li kien enfasizzat dan il-punt li ċerti inizjattivi, tajba kemm hi tajba l-intenzjoni, ma jistgħux jittieħdu jew, tal-inqas, għandha tintalab direzzjoni u permess minn qabel.
Fi tmiem dik il-laqgħa l-Kurja Arċiveskovili ħarġet stqarrija uffiċjali li fiha qalet li l-Arċisqof ħeġġeġ lil Patri Mark Montebello jkompli bil-ħidma pastorali tiegħu ma’ persuni omosesswali imma talbu jkompli jsegwi l-prassi u d-dixxiplina tal-Knisja fil-Ministeru tiegħu, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni ta’ riti sagri u fir-ritwali tal-Knisja.
Fl-istess stqarrija għall-istampa, kien ingħad li Patri Mark Montebello rringrazzja lill-Arċisqof u lill-Vigarju Ġenerali għas-sapport tagħhom u qabel li fil-Ministeru Pastorali tiegħu ma’ persuni omosesswali hu jkompli jsegwi r-regolamenti tal-Knisja.
Dan il-każ kien qanqal bosta reazzjonijiet u kummenti, fosthom minn Drachma (Drachma LGBTI u Drachma Parents Group) u Weddings Malta, li fi stqarrijiet separati esprimew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar dak li kien seħħ fil-Balluta u awguraw li dak li ġara jinstiga diskussjoni pożittiva u kostruttiva li fiha nnifisha tkun ukoll ta’ opportunità biex tkun esplorata mill-perspettiva Nisranija fehma aħjar dwar ir-relazzjonijiet bejn il-persuni LGBTI u l-valur tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà li ngħixu fiha.
//= $special ?>