Lokali

Pazjent fl-Isptar Monte Carmeli jkompli bl-istrajk tal-ġuħ

Il-pazjent fl-Isptar Monte Carmeli Daniel Lanzon minn dalgħodu qed ikompli bl-istrajk tal-ġuħ li kien beda ġimagħtejn ilu, wara li kien waqqfu l-Ħamis li għadda.

Dan wara li l-wegħdi li saru miegħu ma nżammux.

Lanzon ilbieraħ ħabbar li mit-tmienja ta’ dalgħodu se jerġa’ jibda l-istrajk tal-ġuħ għax qed isostni li l-management tal-isptar ma żammx il-wegħdi li għamel miegħu u l-konsulent attwali – li hu r-raġuni prinċipali għaliex qed jieħu din l-azzjoni – baqa’ ma ċċaqlaqx minn postu u għadu qed jagħti l-ordnijiet hu.

Il-pazjent qed isostni li l-Qorti għadha ma ħarġitx b’deċiżjoni dwar ir-rikors li ressaq biex jinbidel il-konsulent, u hu għadu jbati l-konsegwenzi wara li ġie rtirat il-permess li kellu biex imur jagħmel terapija f’dar immexxija mill-patrijiet.

Skont Lanzon, il-permess ġie rifjutat mill-konsulent li dwaru qed jilmenta.