F’waħda mill-aktar poeżiji eċċezzjonali li ħalla warajh Rużar Briffa, il-poeta jistaqsi l-mistoqsija retorika ta’ fejn sejrin, wara riflessjoni f’waqtha f’mument meta l-bniedem beda jaħli ħajtu wara l-materjaliżmu u jwarrab ‘l Alla, b’konsegwenza li l-poeta kien qed iħossu emarġinat u solitarju, iħares mill-bogħod u jistaqsi “quo vadis?” waqt li ma jifhimx din it-traġedja sseħħ taħt għajnejh.
Sa ftit xhur ilu, hekk kien il-Partit Nazzjonalista.
Matul dawn l-aħħar xhur bdejt ninnota li Simon Busuttil kien qiegħed iħalli impatt dejjem aktar profond mal-core voters tal-Partit Nazzjonalista aktar minn qabel. B’analiżi ħafifa nistgħu ninnutaw li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jitlef fil-voti b’mod gradwali sa minn mindu pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea, bil-konsegwenza li r-riżultat li ta rebħa minima lill-gonzipn fl-2008 kienet bdiet tikxef il-fraġilità li kien jinsab fiha l-Partit. Minn hemm ‘il quddiem, imbagħad il-Partit qabad niżla li kellha tħallih iħares lejn il-futur tiegħu bħala Partit fil-Gvern mill-ibgħad distanza possibbli.
Hekk kif ħa t-tmexxija f’idejh Simon Busuttil, ma kellux għażla ħlief li jagħmel awtoriflessjoni tal-profondità tal-problema li ġabet lill-Partit għarkopptejh, litteralment wiped out mix-xena duo-politika. Illum nagħrfu li matul l-ewwel sena l-Partit baqa’ ma sabx tarf id-diffikultajiet interni imma fuq kollox dawk esterni, li jqarrbu lill-Partit mal-elettorat. Għaldaqstant kienet evidenti t-telfa – jekk xejn umiljanti fin-numri – tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet. Minn hemm ‘il quddiem, Simon Busuttil fehem li jeħtieġ ibiddel id-direzzjoni u jibda jifhem sewwa l-aktar mistoqsijiet retoriċi li kienu għadhom hemm, stampati f’wiċċu.
Il-bidliet li saru mill-2014 ‘l hawn kienu ħafna, imma jekk kien hemm deċiżjoni li kellha tittieħed u ttieħdet kif suppost – u llum nistgħu naraw fiha r-riżultati – kienet dik li l-Partit jibda jirribatti l-għanqbut li nġema’ madwaru matul snin sħaħ u jerġa’ jinżel fit-toroq. Naf li l-184 kandidat li ppreżenta l-Partit għal dawn l-elezzjonijiet kienu lkoll iffukati fuq ħaġa waħda; li jiltaqgħu man-nies.
Illum li jiena nagħmel sehem mill-Partit Nazzjonalista – bħala Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss – ma stajtx ma nsegwix mill-qrib il-kampanja elettorali li ppreżentajna, kampanja li kellha biss għan wieħed, dak li jgħolli l-importanza tal-Kunsilli Lokali.
In-nies tkellmet u bil-vot tagħha bdiet turi l-ewwel sinjali ta’ rikonċiljazzjoni mal-Partit Nazzjonalista. Id-distakk ta’ 17% llum huwa biss il-passat. Minn issa ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jieqaf u jagħmel awtoriflessjoni profonda biex jara x’kien il-fattur li bih naqqas il-marġni.
Issa li fadal anqas minn tliet snin għall-elezzjoni ġenerali, inħoss li l-Partit Nazzjonalista huwa aktar ottimist u pożittiv minn qatt qabel. Wara snin sħaħ ta’ sfidi kontinwi biex inżommu ma’ dak li kellna, illum li l-Partit kien tilef kollox, issa jista’ japprezza ħafna aktar dak li kiseb.
Mhuwiex il-każ li l-Partit huwa kuntent għax tilef. Il-Partit huwa biss kuntent għax laħaq il-miri ewlenin tiegħu; li jnaqqas id-distakk imma aktar minn hekk, dak li jibgħat sinjal hemm barra li l-Partit jista’ jkun ukoll Gvern alternattiv għaliex wara kollox bħalma tela’ mix-xejn fil-poter il-Gvern preżenti, jista’ wkoll jagħmilha l-Partit Nazzjonalista.
Jekk Rużar Briffa baqa’ jistaqsi “quo vadis?” sal-aħħar mingħajr ma fehem id-distakk bejnu u bejn il-folla ‘l bogħod minnu fil-poeżija, il-Partit Nazzjonalista beda jwieġeb il-mistoqsijiet retoriċi li neżżgħuh u esponewh bi fraġli għal daqstant snin tant li kien qiegħed f’xifer emarġinazzjoni politika.
Nazzarda ngħid li l-Partit Nazzjonalista jinsab aktar b’saħħtu wara din l-elezzjoni minn dik ġenerali tal-2008, għax issa nafu li sejrin ‘il quddiem… biex inkunu Gvern alternattiv… fis-snin li ġejjin, jekk il-poplu jsejħilna biex niggvernaw.
//= $special ?>