L-arkeologi ma jeskludux li jistgħu jkunu l-famużi oqbra Puniċi mitlufin li jsemmi Ġan Franġisk Abela, meqjus bħala Missier l-Istorja ta’ Malta
Fil-jiem li għaddew Mark Attard, arkeologu Għawdxi, flimkien mas-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali taħt id-direzzjoni ta’ Anthony Pace, sab dak li jidher li hu kumpless ta’ oqbra Puniċi fl-inħawi ta’ wara San Franġisk fir-Rabat, Għawdex.
Din is-sejba saret waqt li kien qed jitwaqqa’ bini biex minfloku jinbena Ċentru Franġiskan. Jirriżulta li wara li sar it-twaqqigħ tal-bini u beda t-tħammil, il-ħaddiema taħt is-superviżjoni tal-arkeologu Mark Attard indunaw li waqt it-tħaffir kien hemm xi ħaġa li mhix tas-soltu.
Minħabba f’hekk l-arkeologu ta l-ordni biex it-tħaffir jitwaqqaf minnufih u l-proċess jitkompla bl-idejn minflok bl-inġenji biex tinġabar kull informazzjoni li seta’ kien hemm ta’ valur arkeoloġiku u storiku, filwaqt li ma ssir l-ebda ħsara lis-sit.
MaltaRightNow.com jifhem li l-arkeologu informa mill-ewwel lill-ogħla awtoritajiet tas-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali u ġibdilhom l-attenzjoni li waqt xogħol ta’ tħaffir li kien qiegħed isir fir-Rabat, Għawdex, probabbilment kienu nstabu l-famużi oqra Puniċi mitlufin.
Jirriżulta fil-fatt li f’Għawdex, Ġan Franġisk Abela – li hu meqjus bħala Missier l-Istorja ta’ Malta minħabba li kien hu li beda jiġbor kull tagħrif dwar l-istorja ta’ ġensna fix-xogħol monumentali tiegħu ‘Della Descrittione di Malta’ – kien diġà semma dawn l-inħawi bħala li fihom kienu nstabu xi oqbra Puniċi.
Fil-fatt, f’dan ix-xogħol tiegħu li jmur lura għall-1647 kien qal li kienu nstabu xi oqbra Puniċi. L-ewwel qabar li kien instab, ġie skopert fl-1624. It-tieni wieħed kien instab fl-1698, filwaqt li t-tielet qabar kien instab fis-seklu tmintax.
L-ewwel sejba jirriżulta li kien esploraha Ġan Franġisk Abela nnifsu u din kienet tikkonsisti f’entratura kwadra li tiftaħ għal ġo kamra rettangulari (chamber). Din is-sejba kienet deskritta bħala ‘shaft and chamber’. L-entratura kellha kobor ta’ tliet kwarti ta’ metru bi tliet kwarti ta’ metru u kienet tagħti għall-kamra mortwarja li kienet twila żewġ metri u erbgħin ċentimetru u wiesgħa metru u tmenin ċentimetru. Il-fond tagħha kien ta’ ftit inqas minn żewġ metri. L-aċċess għad-daħla ta’ dawn l-oqbra Puniċi kien permezz ta’ ħofor fil-ħajt.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-oqbra misjuba f’Għawdex fl-aħħar ġimgħat jidher li għandhom importanza kbira minħabba li dawn it-tliet oqbra li jsemmi Ġan Franġisk Abela misjuba għexieren ta’ snin twal ilu – u li għamlu dawn is-snin kollha mitlufin – jistgħu jkunu proprju huma.
Madankollu, l-arkeologu Mark Attard ma jeskludix li s-sejba reċenti hi fil-fatt waħda kompletament ġdida u li allura dawn huma oqbra Puniċi ġodda. Dan peress li l-oqbra misjuba jinsabu mirdumin b’ħamrija li daħlet fihom matul il-medda tas-snin.
Meta MaltaRightNow.com ilbieraħ tkellem ma’ Attard, hu fisser li kemm-il darba jirriżulta fil-fatt li dawn l-oqbra huma Puniċi, allura nkunu qed nitkellmu dwar oqbra li għandhom aktar minn 2,500 sena.
Hu fisser li fil-bokka huma sabu biċċiet ta’ oġġetti tal-fuħħar li jmorru lura għal żmien ir-Rumani u għal żmien il-Biżantini. Is-sejba ta’ dawn l-oġġetti tal-fuħħar tindika li mill-inqas dawn l-istess oqbra Puniċi baqgħu jintużaw sa żmien ir-Rumani.
Mark Attard fakkar li fil-preżent esibiti fil-Mużew tal-Arkeoloġija fiċ-Ċittadella f’Għawdex hemm twiebet żgħar tat-terrakotta li kienu mimlijin għadam uman maħruq (kremazzjoni). Dawn huma datati għall-Epoka Punika u kienu nstabu fl-1892. Jirriżulta li kienu nstabu fl-inħawi ta’ Pjazza San Franġisk. Magħhom kienu nstabu wkoll affarijiet tal-ħġieġ u muniti li d-data tagħhom tmur lura għat-tielet seklu wara Kristu. Bosta arkeologi jemmnu li dawn l-oqbra flimkien baqgħu saħansitra jintużaw għal mijiet ta’ snin.
Mark Attard spjegalna li wara din is-sejba, dak li qed jiġri bħalissa hu li qed isiru skavi professjonali bl-idejn b’reqqa kbira biex jinkiseb u jinġabar it-tagħrif kollu possibbli. Ix-xogħol manwali qed isir minn numru ta’ persuni taħt id-direzzjoni diretta tiegħu u tas-Soprintendenza. Naturalment, dan il-proċess għadu fil-bidu tiegħu u mistenni jieħu ftit fit-tul.
Hu qal li l-Patrijiet Franġiskani, li fil-proprjetà tagħhom instabet din l-iskoperta, huma ferħanin u entużjasti ħafna, u determinati li jipproteġu dan il-wirt imprezzabbli li għadu kemm instab.
Huma qed jaħsbu wkoll li eventwalment, meta x-xogħol ikun komplut, din il-ġawhra ta’ valur arkitettoniku u storiku f’Għawdex tinfetaħ ukoll għat-tgawdija tal-pubbliku.
//= $special ?>