Futbol Sport

Sollars u Buttigieg iħallu lil Dingli S.

Il-kowċ Roland Sollars ħabbar li mhux se jkompli jmexxi lil Dingli Swallows. L-istess deċiżjoni ħadha wkoll l-assistent kowċ Marco Buttigieg.

Wara li l-istaġun li għadda Sollars u Buttigieg kien irnexxielhom jevitaw r-relegazzjoni ma’ Dingli, kienu ġew ikkonfermati fit-tmexxija tal-klabb għall-istaġun li għadu kif intemm. Madankollu din is-sena l-klabb temm il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni fit-12-il post b’19-il punt u ġie relegat flimkien ma’ Għaxaq u Xgħajra Tornadoes.

F’messaġġ li kiteb fuq Facebook Sollars rringrazzja lill-amministrazzjoni u l-plejers tal-klabb.

Sollars għandu esperjenza vasta fix-xena lokali u fil-passat kien ukoll kowċ ta’ Sirens, Pembroke Athleta u Swieqi United. Huwa mexxa wkoll l-iskwadra ta’ taħt it-18-il sena ta’ Melita, lit-tim tan-nisa ta’ Hibernians u kien ukoll assistent kowċ ta’ Marsaxlokk fil-Kampjonat Premier.

Buttigieg għadu relattivament ġdid fix-xena tal-kowċing u kien parti mill-istaff tekniku ta’ Santa Venera Lightnings FC qabel ingħaqad ma’ Dingli Swallows. Dan wara karriera twila bħala plejer fejn irtira ta’ 38 sena wara li lagħab għal Ħamrun Spartans FC, Marsa FC, Vittoriosa Stars, Santa Venera Lightnings, Attard, kif ukoll ma’ Għargħur.

Mhux eskluż li Sollars u Buttigieg ikomplu flimkien ma’ klabb ieħor.