Bi tweġiba għal kritika li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel ftit fejn jidħlu l-immigranti u l-fenomenu tal-immigrazzjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, fil-Parlament Ewropew, ikkwota dak li qalu l-Prim Ministri ta’ Malta u tal-Italja wara l-aħħar summit dwar l-immigrazzjoni – li dan wera impenn serju min-naħa tal-Ewropa u sens ġdid ta’ riżoluzzjoni.
Donald Tusk fakkar fil-konklużjonijiet tas-summit tal-ġimgħa li għaddiet – li l-prijorità tal-UE hi li jiġu salvati l-ħajjiet, li jitwaqqfu t-traffikanti li qed jagħmlu l-flus minn dawk vulnerabbli u jibgħatuhom għall-mewt tagħhom, li ssir ħidma mal-pajjiżi li minnhom joriġinaw u jitilqu l-immigranti, u li jiġu megħjuna dawk li verament jeħtieġu ażil politiku.
Tusk wissa li s-sajf li ġej se jippreżenta sfida oħra diffiċli għan-naħa t’isfel tal-Ewropa u għall-UE kollha. Fakkar fis-summit li se jsir f’Malta iktar tard din is-sena, li se jlaqqa’ mexxejja Afrikani ma’ dawk Ewropej. Insista li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa ma tistax tiġi solvuta qabel ma’ l-Libja jkollha stabilità u gvern li jaħdem u sadattant l-UE għandha tibqa’ tagħmel li tista’ biex issalva lin-nies fil-periklu.
Fl-istess ħin, spjega li l-Ewropa ma tistax issolvi l-problemi tal-Afrika u lanqas tista’ tiftaħ il-bibien tagħha għal kulħadd imma trid tagħmel dak kollu li hu umanament possibbli biex tgħin.
//= $special ?>