Il-Qorti ddikkjarat li l-gazzetta ‘Il-Mument’ ma kinitx ħatja ta’ libell meta ppubblikat il-kontenut ta’ email dwar allegat irregolaritajiet fl-għoti ta’ tender f’Marsaskala.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale ddeċieda li s-Segretarju Eżekuttiv tal-kunsill lokali ta’ Marsaskala, Joseph Caruana, ma kellux raġun meta lmenta quddiem il-Qorti għall-pubblikazzjoni ta’ email tal-ekssindku Mario Calleja.
L-ekssindku kien kiteb lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali fejn allega li kien hemm irregolaritajiet fil-proċess ta’ tender għall-provviżta ta’ kontenituri tal-iskart.
Caruana kien fetaħ każ fil-Qorti wkoll kontra Calleja imma l-Qorti ddeċidiet li l-ekssindku ma kellu ebda setgħa fuq il-pubblikazzjoni tal-email.
Fil-Qorti ħareġ li s-Segretarju Eżekuttiv kien ħa miegħu d-dar żewġ offerti għat-tender li kien ħareġ il-kunsill u li minħabba f’hekk il-kunsill kien waqqaf il-proċess kollu għax is-sindku kien informa lill-awtoritajiet li l-proċess kien ġie vizzjat.
‘Il-Mument’ kienet ippubblikat l-email tas-sindku, datata 24 ta’ Jannar 2010, u fil-ħarġa ta’ wara, ippubblikat l-ittra ta’ Caruana fejn kien spjega l-verżjoni tiegħu tal-fatti.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale ddeċieda li dak li kienet ippubblikat ‘Il-Mument’ la kien libelluż u lanqas ma tebba’ r-reputazzjoni tas-Segretarju Eżekuttiv li r-rwol tiegħu jagħmlu suġġett għal skrutinju pubbliku. Għalhekk ċaħad it-talba tiegħu u ‘Il-Mument’ inħelset mill-kawża ta’ libell.
//= $special ?>