Il-poplu Malti u Għawdxi hu ffurtunat li f’pajjiżna hawn eluf ta’ persuni li jaħdmu fis-settur tas-Saħħa u li huma tant iddedikati fix-xogħol tagħhom. Għall-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema, ma jeżistux iljieli jew festi, iżda huma mpenjati li joffru s-servizz tagħhom kull ħin u kull mument.
Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur kienu bosta dawk il-ħaddiema fis-settur pubbliku fil-qasam tas-Saħħa li għamlu kuntatt mal-Partit u tkellmu dwar it-tħassib tagħhom għall-mod kif qed jitmexxa dan il-qasam.
Jidher ċar li l-kriterji fl-għazliet ta’ min imexxi l-istituzzjonijiet tas-Saħħa f’pajjiżna mhux qed ikunu ċ-ċertifikati u l-esperjenza, iżda fatturi oħrajn. U dan il-fatt qed iqanqal rabja kbira fost il-ħaddiema, sostna l-Partit Nazzjonalista.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista qal li qed jieħu nota tal-każi kollha ta’ inġustizzji li qed jaslulu, filwaqt li appella lill-Ministru Konrad Mizzi u lis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne biex minnufih ireġġgħu lura din l-attitudni u jwettqu l-wegħda li huma stess għamlu, jigifieri dik tal-accountability, it-trasparenza u l-meritokrazija.
//= $special ?>