Internazzjonali Unjoni Ewropea

IR-RENJU UNIT: 10 miljun indeċiżi kif se jivvutaw

Madwar għaxar miljun Britanniku għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa d-dieħla. Dan waqt li stħarriġ esklussiv għall-gazzetta Daily Mail qed jindika li r-Renju Unit se jkollu l-aktar elezzjoni missielta u imprevedibbli għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Skont l-istħarriġ, wieħed f’kull għaxra li qed jippjanaw biex jivvutaw ammettew li jħossuhom għalkollox indeċiżi dwar l-għażla finali, bi wħud jgħidu li jistgħu jibdlu l-preferenzi politiċi fi kwistjoni ta’ sekondi.
L-istħarriġ ta’ ComRes jindika lill-Konservattivi fil-Gvern u l-Partit Laburista ‘indaqs’ fuq 35 fil-mija tal-appoġġ popolari. Sadanittant (u skont l-indikazzjonijiet) il-partit radikali UKIP ta’ Nigel Farage jgawdi 11 fil-mija tal-appoġġ u hu segwit mil-Liberali Demokratiċi (fuq seba’ fil-mija) u l-Ħodor (b’sitta fil-mija).
Madankollu n-numru ta’ votanti indeċiżi – jew swing voters – jissuġġerixxi li l-partiti ewlenin iridu jistinkaw għal kull vot fl-aħħar ġimgħa tal-kampanji rispettivi. Dan meta xejn anqas minn 34 fil-mija tal-votanti li – almenu sal-lum – qed jappoġġjaw partit partikolari, qalu li kapaċi jibdlu l-ħsieb qabel nhar il-Ħamis li ġej, Jum l-Elezzjoni.
Kelliema għall-ComRes li mexxa l-aħħar stħarriġ qablu li kull riżultat hu possibbli fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar il-Ħamis u meta dan l-eżerċizzju demokratiku għandu jkun differenti mill-elezzjonijiet l-oħra ta’ qablu.
Il-kumment ġenerali hu li ‘anki l-iċken bidla fiċ-ċirkostanzi tista’ teffettwa r-riżultat finali’, u l-inċertezza qed tqajjem ukoll id-dubji dwar dak li jista’ jseħħ fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ wara l-elezzjoni.