Internazzjonali

Jeħlu l-ħabs għall-attakk fuq Malala

Qorti fil-Pakistan ikkundannat lil għaxart irġiel biex jiskontaw sentenza ta’ ħabs għal għomorhom b’konnessjoni mal-attentat tal-2012 fuq il-ħajja ta’ Malala Yousafzai; it-tfajla li saret magħrufa madwar id-dinja bħala attivista ewlenija favur l-edukazzjoni.
Yousafzai kien għad għandha biss 15-il sena meta spiċċat attakkata, bl-aggressuri – membri tat-Taliban – jisparawlha f’rasha meta hi kienet fix-xarabank tal-iskola, fl-inħawi tal-Wied ta’ Swat. Proprju s-sena l-oħra, Malala rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi b’rikonoxximent għall-kampanja tagħha favur id-dritt tat-tfal għat-tagħlim u għall-fatt li hi ssugrat ħajjitha biex tinsisti għal dan id-dritt.
Intant, l-għaxart irġiel ikkundannati ma jinkludux lill-militanti, Ataullah Khan, li ssemma bħala s-suspettat ewlieni fl-aggrediment ta’ Malala – li llum irkuprat mill-ġrieħi li ġarrbet u qed tgħix flimkien ma’ familtha fil-belt ta’ Birmingham, fir-Renju Unit.