Negozjant miljunarju ta’ 36 sena kien għadu kif xtara l-karozza tal-ħolm tiegħu, Ferrari 458 Spider għall-prezz ta’ €235,000, imma ma damx igawdiha għax ħamest ijiem wara faqagħha meta tilef il-kontroll tagħha.
Rob Moore kien qed igawdi l-karozza l-ġdida meta kkalkula ħażin liwja fit-triq u spiċċa tar għal ġo ġnien ta’ kumpless ta’ uffiċċji f’Peterborough, fl-Ingilterra. Għalkemm ħareġ imwerwer mill-karozza, il-missier ta’ żewġt itfal ma ġralu xejn ħlief li l-karozza lussuża li kien għadu kemm xtara ġabha f’kundizzjoni li jista’ jarmiha.
L-inċident seħħ nhar it-Tlieta u l-karozza kien xtraha l-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet. Ir-raġel qal li t-triq kien jafha tajjeb għax jaħdem fil-qrib u kien imdorri jsuq karozzi meqjusa supercars għax għandu kemm-il waħda. Qal li għal xi raġuni, kiser l-isteering imma l-karozza baqgħet sejra bi dritt.
Minkejja li kien qed jirtogħod, Moore kien kuntent li almenu ibnu ta’ 4 snin ma kienx miegħu dak il-ħin fil-karozza.
//= $special ?>