Internazzjonali

Justin Bieber f’Ruma qed jirriskja li jiġi arrestat

Justin Bieber jinsab f’Ruma fejn se jinġibed video u xeni ta’ Zoolander 2, imma qed jirriskja li jiġi arrestat minħabba li l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Arġentina ħarġu mandat ta’ arrest kontrih.

Dan minħabba li Bieber ma deherx il-Qorti b’rabta mal-allegat każ tal-2013 fejn il-kantant żagħżugħ Kanadiż qed jiġi akkużat li sawwat fotografu fi Buenos Aires.

Fil-lukanda fejn qed joqgħod f’Ruma, għall-ġbid ta’ xeni fil-film ta’ Ben Stiller, lill-pop star marru jżuruh il-Pulizija Taljana wara ittra uffiċjali mill-awtoritajiet tal-Qorti fl-Arġentina. Iżda għalissa kollox baqa’ għaddej kif ippjanat minkejja li Bieber jista’ jiffaċċja mandat internazzjonali ta’ arrest. Ħafna qed jissuspettaw li l-Pulizija marret fil-lukanda biex tagħmel biss kontroll, li l-istilla internazzjonali fil-fatt kien qed joqgħod hemm.

Fuq Twitter, Justin Bieber kiteb biss li dak li qed iseħħ hu biss għajdut u li qed igawdi l-Italja fejn qed jiekol tajjeb ħafna.